Lokali

RITRATTI: It-tritoni lura f’posthom

Ritratt: Martin Agius

It-tritoni tpoġġew lura f’posthom wara li waslu minn Firenze fl-Italja fejn ilhom għal dawn l-aħħar seba’ xhur għaddejjin minn proċess ta’ restawr. Imma l-proċess ta’ restawr tal-funtana tat-tritoni mistenni jkun komplut fil-jiem li ġejjin ladarba jkun installat id-dawl u s-sistema tal-purifikazzjoni tal-ilma.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-funtana tat-tritoni, ġie spjegat li r-restawr tat-tliet figuri kien estensiv minħabba l-ħsarat li dawn kellhom, speċjalment minħabba l-fatt li t-tritoni kellhom partijiet sħaħ minnhom mgħaddsa fil-konkos u allura ma setgħux jinqalgħu b’mod faċli.

Ir-restawr tal-funtana tat-tritoni ma rax biss it-tisbiħ tat-tliet figuri tal-bronż infushom, li ttieħdu ġewwa Firenze għal dan ix-xogħol, iżda tisbiħ tal-funtana nnifisha u l-bażi tagħha.

Dan apparti l-bini ta’ ‘plant room’, mina li tagħti mill-‘plant room’ għall-funtana u l-bini ta’ ‘pump room’ fil-viċinanzi. Dawn se jkollhom l-iskop li jirregolaw is-sistemi tal-ippumpjar u l-purifikazzjoni tal-ilma.

Fuq il-post ġie spjegat li l-pass li jmiss huwa li jiġi deċiż xi skema ta’ dawl se tintuża għall-funtana. Madanakollu, intqal li d-dawl għandu jkun wieħed li jikkumplimenta d-dwal użati fil-proġett ta’ Renzo Piano għad-daħla tal-Belt Valletta.

It-tritoni ilhom jokkuppaw is-sit ta’ barra d-daħla tal-Belt għal kważi sittin sena. Il-funtana, li hi xogħol l-iskultur Vincent Apap b’disinn ta’ Victor Anastasi, bdiet topera fl-1958 u matul iż-żmien sofriet numru ta’ ħsarat. Bħala parti mir-restawr, tneħħiet il-kolonna li kienet tintuża bħala appoġġ għall-plattina l-kbira miżmuma fuq idejn it-tritoni.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Tags