Lokali

Tifla ta’ erba’ snin tintilef minn sensiha wara li belgħet ilma fil-bajja Tal-Magħluq

CPR fil-ħin minn zijuha jsalvaha

Tifla ta’ erba’ snin residenti Ħal Safi ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li sabet ruħha f’diffikultà waqt li kienet qed tgħum ma’ xi qraba tagħha f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ it-Tlieta li għadda, f’Jum il-Festa ta’ Santa Marija, għall-ħabta tat-8.30pm fil-bajja magħrufa bħala Tal-Magħluq.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li t-tifla kienet qed tgħum ma’ xi qraba meta għal xi raġuni belgħet l-ilma baħar. Kawża ta’ dan, hi ntilfet minn sensiha qabel ma zijuha nduna b’dak li ġara u tellagħha immedjatament fuq l-art. Hi ngħatat is-CPR minn persuna li nzertat fil-bajja, bit-tifla bdiet tneħħi l-ilma li belgħet.

Sadanittant, wasal fil-post tim mediku b’Ambulanza, li wassal lit-tifla lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Fortunatament, il-kundizzjoni tagħha tjiebet, tant li kienet iċċertifikata li qed issofri biss minn feriti ħfief. Hi nżammet għal xi ħin taħt osservazzjoni, bil-kundizzjoni tagħha kompliet titjieb wara ftit sigħat.