Internazzjonali

Tnejn maqtula u diversi midruba wara attakk fil-Finlandja

Hekk kif l-attenżjoni tad-dinja kienet fuq Spanja minħabba l-attakk f’Barċellona, illum wara nofsinhar seħħ attakk ieħor, din id-darba fil-Fillandja, li ħalliet żewġ persuni mejtin u talanqas tmien midruba.

L-attakk twettaq minn raġel armat b’sikkina li ħebb għan-nies fil-pjazza ewlenija ta’ Turku. Il-Pulizija rnexxielhom iferu dan ir-raġel u jarrestawħ, bl-aħħar rapporti li daħlu jikkonfermaw li mietu tnejn mill-vittmi tal-attakk. Iċ-ċifra tal-mejtin u midruba kapaċi tiżdied fis-sigħat li ġejjin.

F’Ġunju, il-Pulizija fil-Fillandja kienu għollew il-livell ta’ allert fil-pajjiż minħabba informazzjoni li kien qed jinħema attentat terroristiku fil-pajjiż.

Intant, l-awtoritajiet f’Turku qed iwissu lin-nies biex ma javviċinawx iċ-ċentru tal-belt fejn baqgħet effettiva sitwazzjoni ta’ allert ufost l-inkwiet li jista’ hemm  aktar aggressuri fl-inħawi.

Ir-rapporti qalu li diversi bini f’Turku kienu evakwati min-nies waqt li l-Prim Ministru Fillandiż, Juha Sipila, qal li l-Gvern tiegħu qed isegwi l-iżviluppi b’attenzjoni kbira.

L-investigazzjonijiet fiz-zona qed ikomplu waqt li s-sigurtà kienet irrinfurzata madwar l-ajruport fil-kapitali Helsinki, u madwar diversi stazzjonijiet tal-ferrovija u mezzi oħra għat-trasport pubbliku f’Turku.