F’diskors li għamel Dr. Frank Portelli, Kandidat għall-elezzjoni ta Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-programm tiegħu għal din l-Elezzjoni kien se jsejjaħlu “Back to Basics, lura għall-għeruq”. Dan ifisser li hemm bżonn li l-Partit tagħna ma jibqax distakkat mill-membri tal Partit stess, u mill-membri tas-soċjetà.
Huwa sostna li qed jitkellem ma’ ħafna nies kull jum, kemm fuq Facebook permezz tal-Messenger u ankè permezz ta’ SMSs u e-mails, u malajr seta’ jinduna minn dawn il-messaġġi li hemm rabja kbira għall-Partit u li n-nies iħossu li l-Partit jinstab maqtugħ minn magħhom.
Frank Portelli saħaq li jekk l-ewwel nett ma ningħaqdux bejnietna, u t-tieni ma mmorrux nisimgħu n-nies u naraw x’qed jgħidu, ma jibqgħalna l-ebda ċans li nistgħu nirbħu elezzjoni oħra. Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista jkun kapaċi jirbaħ elezzjoni oħra jekk qabel kollox ningħaqdu bejnietna. Hemm bżonn li ningħaqdu biex nirbħu.
Dr. Portelli temm billi qal li l-Partit Nazzjonalista kien Partit rebbieħ, u sar Partit tellief, u din is-sitwazzjoni hemm bżonn li tinbidel.
//= $special ?>