Elezzjoni Kap PN Lokali

Esperjenza, Integrità, Bżulija – Chris Said

“Tlajt tarġa tarġa fil-Partit Nazzjonalista. Minn membru ta’ fergħa għal sindku, minn deputat parlamentari għal Segretarju parlamentari, għal Ministru, imbagħad Segretarju Ġenerali, Shadow Minister u issa kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. F’mument diffiċli għall-PN jidhirli li l-esperjenza politika hi ta’ vantaġġ mhux għalija, għax din mhix elezzjoni dwar individwu u l-ambizzjonijiet tiegħu, imma għal partit”. Dan qalu Chris Said meta l-Ħamis filgħaxija indirizza lill-attivisti u d-deputati fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ.

Il-kandidat għal Kap tal-PN qal li fl-aħħar ġimgħat mijiet ta’ kunsilliera u attivisti resqu lejh u offrew l-għajnuna tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. “Għandi fiduċja kbira li, magħqudin, ġej żmien sabiħ għall-PN u se naslu” qal Chris Said.

Chris Said tenna l-impenn tiegħu li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jdaħħal it-termini omm u missier fil-liġi taż-żwieġ u fuq temi etiċi u morali jagħti free vote kull fejn hemm bżonn.

Chris Said qal li bħala Kap tal-PN iwaqqaf il-bejgħ tal-każini, jerġa’ jdaħħal is-sistema ta’ street leaders, jagħmel uffiċċji tal-Customer Care f’kull belt u raħal u darba f’ġimgħa, kull ġimgħa, jaħdem minn lokalità differenti.

“Miegħi tafu fejn qegħdin. Jien ktieb miftuħ, miegħi m’hemmx sorpriżi, what you see is what you get – bżulija, m’hemmx klikek, partit miftuħ għal kull min hu ġenwin, esperjenza, integrità u xejn x’jista’ jirrikattani, obbligazzjonijiet lejn ħadd ħlief lejkom, inthom kollha ta’ rieda tajba li flimkien, nissaħħu u nirbħu” qal il-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said.