Floriana kellhom jikkuntentaw bi draw fid-debutt kontra Birkirkara, minkejja li huma ddominaw it-tieni taqsima, fejn anki kienu sfortunati li laqtu darbtejn il-lasta. Birkirkara li lagħbu l-aħħar għoxrin minuta bi plejer inqas wara t-tkeċċija ta’ Edmond Agius, jistgħu jkunu kuntenti b’dan il-punt miksub.
Il-logħba kienet bilanċjata fl-ewwel taqsima, iżda kif għidna l-greens ħadu għal kollox il-kontroll tal-logħba wara l-intervall b’Vella u Fontanella jispikkaw fuq l-oħrajn. Il-bidu kien wieħed kwiet iżda Birkirkara kellhom xi ftit iktar inizjattiva u kien hemm tentattiv ta’ Montebello imblukkat mid-difensur Furjaniż Ruiz. Fil-11-il minuta xutt fjakk ta’ Varela kien faċilment salvat minn Schranz.
Fid-19-il minuta Floriana fetħu l-iskor meta mil-lemin Varela qassam lejn Mario FONTANELLA li kompletament żmarkat ma żbaljax quddiem Schranz. Ħames minuti wara, Birkirkara kisbu d-draw, mertu kbir ta’ Ryan Camenzuli li għadda tajjeb mix-xellug minn fuq Ruiz u qassam lejn Bruno FERNANDEZ DE BRITO li kompletament żmarkat ikkontrolla tajjeb u spara fix-xibka.
Fil-71 minuta, Birkirkara spiċċaw b’għaxar plejers meta Edmond Agius li kien daħal fil-bidu tat-tieni taqsima dabbar it-tieni karta safra f’temp ta’ 25 minuta.
//= $special ?>