Rappreżentanti ta’ numru ta’ kumpaniji ntalbu u marru l-Qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom fil-każ taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri dwar l-allegat tixħim mill-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija u Ewropea.
Il-każ jitratta liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u lid-Direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna, li t-tnejn għandhom uffiċċju f’Kastilja skont il-karigi tagħhom qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-każ, li qed jinstema’ bil-magħluq mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, beda wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja ddeċieda li hemm biżżejjed provi biex Schembri u Tonna jkunu investigati dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Bħala Direttur ta’ Nexia BT, Brian Tonna kien il-bniedem li fetaħ tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama: waħda għall-Ministru Konrad Mizzi, oħra għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u oħra għal persuna li isimha ngħata biss bi Skype.
Dan kollu ħareġ mill-Panama Papers, li kienu żvelati sena u nofs ilu. Iżda minkejja l-involviment ta’ żewġ persuni daqstant qrib tiegħu fi skandlu bħal dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jiddefendi lill-persuni involuti.
Fil-fatt, Keith Schembri tħalla Chief of Staff f’Kastilja u Brian Tonna tħalla Konsulent ta’ Muscat f’Kastilja stess.
//= $special ?>