Futbol Sport

Il-Brażiljani jispiraw lil Ħamrun għar-rebħa

Guilherme De Castro jikkontrolla l-ballun (Ritratt: Domenic Aquilina)

Bidu pożittiv għal Ħamrun Spartans li fetħu l-kampjonat tagħhom b’rebħa ta’ 4-1 fuq Tarxien Rainbows. Rebħa meritata li kien ispirata mit-trio Brażiljan Guilherme De Castro, Arthur Faria Machado u Francisco Marino Clavero li mexxew lit-tim speċjalment fil-kontrattakki.

Tarxien żgur għandhom fejn jitjiebu iżda għadu biss l-ewwel logħba u għalhekk il-kowċ Josè Borg għandu ċ-ċans biex jaħdem mat-tim biex jibda jitjieb. Il-kowċ ta’ Tarxien fl-ewwel dehra tiegħu fuq il-bank ta’ Tarxien, lagħab b’tim totalment ġdid b’Andrew Agius u Ayrton Azzopardi jkunu l-uniċi żewġ plejers li bdew il-logħba u li kienu fl-iskwadra s-sena l-oħra. Sitwazzjoni simili għal Jacques Scerri fuq il-bankina ta’ Ħamrun li għajr Philip Chircop, il-plejers kollha għamlu d-debutt, b’Daniel Zerafa jirritorna mal-klabb.

Ħamrun marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta meta minn free-kick ta’ Francisco Marino Clavero, għola Matthew Spiteri li fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, spiċċa biex għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess.  L-Ispartans irduppjaw fit-42 minuta. Kien free-kick fil-baxx b’saħħtu mid-distanza ta’ Francisco MARINO CLAVERO li ħasad lil Antonio Chetcuti li żgur seta’ jagħmel aħjar fl-azzjoni, bil-gowlkiper Tarxiniż imiss biss il-ballun.

Ħamrun dehru fil-kontroll tal-logħba, iżda ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, Tarxien daħlu fil-logħba. Kien kross mil-lemin, il-ballun spiċċa għand l-attakkant opportunist Ryan DARMANIN li mill-viċin kompla għal ġewwa.

Ħamrun ingħataw penalty fl-64 minuta meta r-referee Mario Apap ordna penalty għal dak li ġġudika li kien fawl fil-kaxxa ta’ Andrew Agius fuq Guilherme De Castro. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess plejers, iżda x-xutt fuq ix-xellug kien imdawwar f’korner bi bravura minn Chetcuti.

Tarxien kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara li r-referee Mario Apap wera l-karta l-ħamra diretta lil Ryan Darmanin għal daħla goffa. Ħamrun għalqu l-logħba fid-79 minuta meta kien Arthur FARIA MACHADO li b’xutt fil-baxx mit-tarf tal-kaxxa ż-żgħira li kien imxellef, għeleb lil Chetcuti.

L-Ispartans ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta bi kross mil-lemin ta’ Philip Chircop li sab lil Pedro Henrique li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Antonio Chetcuti.