Għawdex Lokali

Il-Kunsill Laburista tal-Munxar igiddeb stqarrija tal-Gvern

Isostni li r-residenti huma preokkupati u jikkonferma li nbdew anki xi xogħlijiet

Fi stqarrija maħruġa il-Kunsill Lokali tal-Munxar, Għawdex, immexxi minn maġġoranza tal-Partit Laburista, giddeb stqarrija tal-Gvern maħruġa ġurnata qabel, li fiha ntqal li dwar dan l-iżvilupp kulma hemm s’issa huwa biss “interess mis-settur privat biex issir riċerka fuq soluzzjoni għall-isfida ambjentali li teżisti bl-ammont ta’ slurry iġġenerat f’pajjiżna, b’mod partikolari f’Għawdex.”

L-istqarrija tal-Gvern kompliet tgħid li “naturalment kull proġett ta’ dan it-tip irid jgħaddi mill-proċess indipendenti tal-ippjanar u għalhekk huwa ovvju li mhux talli ma bediex jaħdem, talli għadu lanqas ġie pproċessat mill-awtoritajiet ikkonċernati.”

L-istqarrija tal-Gvern, minflok tispjega fil-verità x’inhu jiġri, infexxet f’tagħjir u insulti lid-deputati Nazzjonalisti li tkellmu dwar is-suġġett biex jiddefendu l-interessi tar-residenti tal-Munxar u dawk f’Ta’ Sannat.

Madankollu, fl-istqarrija tal-Kunsill tal-Munxar l-għada, ingħad li l-Kunsill kien avviċinat minn numru kbir ta’ residenti “li jinsabu ferm preokkupati mill‑fatt li f’dan is‑sit indikat jista’ jkun li se tibda tiġi eżerċitata attività inkonnessjoni ma’ proċessar ta’ demel tal‑bhejjem.”

Infatti, kompla jgħid il-Kunsill b’maġġoranza Laburista, il-Kunsill jinsab infurmat li nbdew anki xi xogħlijiet li mhux neċessarjament huma koperti mill‑permess meħtieġ tal‑awtoritajiet.

Il-Kunsill li għalkemm għadu ma ġie avviċinat mill-ebda entità governattiva dwar dan il-proġett, jagħmilha ċara li hu kontra li fil-lokalità tal-Munxar “tiġi ġestita attività bħal din.”

“Dan qed jingħad mhux biss għall-fatt li dan ir‑razzett huwa viċin id‑djar tagħna u għalhekk hemm l‑inkonvenjent tar‑riħa u potenzjalment il‑periklu għas‑saħħa minħabba xi gass li jista’ jiġi emess, iżda anke peress li t‑trakkijiet iridu jgħaddu kollha minn ġewwa l‑pjazza tagħna. Dan huwa inaċċettabbli għall‑Kunsill u se jieħu dawk il‑passi kollha li jista’ jkun hemm bżonn biex jissalvagwarda l‑interessi tar‑raħal u tar‑residenti tagħna.”

Il-Kunsill, filwaqt li jittama li tali attività tkun skartata immedjatament, qal li jħossu obbligat li jinforma formalment kemm lill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll lill-Ministeri kollha konċernati, “u dan biex l-oġġezzjoni tagħna tkun reġistrata bil-miktub.”

Kif ħabbar In-Nazzjon fil-ħarġa tal-bieraħ, dwar dan il-proġett bla permessi meħtieġa, bdiet tinġabar petizzjoni mir-residenti kemm tal-Munxar u anki Ta’ Sannat, kontra dan l-impjant ta’ riċiklaġġ qrib tar-residenti u bil-possibbiltà wkoll ta’ perikli għall-istess residenti.

Il-Partit Nazzjonalista kien għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara mill-ewwel li hu, filwaqt li jemmen li hemm bżonn ta’ demmiela biex taqdi l-bżonnijiet tal-bdiewa tal-irziezet, din għandu jinstabilha post alternattiv f’Għawdex, ’il bogħod mill-abitat.