“Il-Partit Nazzjonalista jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk ilkoll ningħaqdu wara l-Kap il-ġdid, jitla’ min jitla’, fost l-erba’ kontestanti, wara s-16 ta’ Settembru”.
Dan qalu Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta indirizza l-kunsilliera u t-tesserati fil-każin tal-PN ta’ Ħaż-Żabbar.
Adrian Delia kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-kunsilliera, it-tesserati u d-deputati meta saħaq li l-avversarji politiċi tagħna bħalissa qed jinqdew b’kollox biex jifirduna, biex wara din l-elezzjoni ma nsibux saqajna u nibdew naħdmu, iżda l-eluf ta’ partitarji Nazzjonalisti kif ukoll dawk li jixtiequ jerġgħu jivvutaw PN qed jibagħtu messaġġ ċar ta’ għaqda. Dan irridu nisimgħuh, qal Adrian Delia.
Hu tenna kif il-mewġa favur mod ġdid kif jitmexxa l-partit bħalissa ħakmet id-diskors politiku f’pajjiżna meta s-soltu jmut għalkollox fix-xhur tas-sajf. “Imma għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu rilevanza kbira fil-ħajja tan-nies, il-pajjiż jinsab mixgħul bid-diskussjoni dwar il-ħatra ta’ kap tal-PN,” qal Adrian Delia.
Il-kunsilliera li se jivvutaw fit-2 ta’ Settembru għandhom l-obbligu li jisimgħu dak li jixtiequ t-tesserati u l-partitarji kollha tal-partit. Dan għaliex se jkunu huma li jagħmlu l-ewwel għażla għal min se jmexxi u l-mod li se jintuża fis-snin li ġejjin fl-oppożizzjoni.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-proposti li qed iressaq, kemm għall-partit kif ukoll għall-pajjiż jekk jintgħażel biex imexxi l-Partit Nazzjonalista. “Nixtieq li nbiddlu l-istruttura tat-tmexxija biex il-membri tal-kumitati tagħna ma jibqgħux biss dawk li jqassmu t-tesseri imma jingħataw l-ispazju kollu biex jagħmlu l-politika tal-PN,” sostna Adrian Delia.
Fost dawn hemm li tissaħħaħ il-midja tal-partit u ssir vijabbli, li jissaħħaħ l-AŻAD u jibda jagħti lill-partit analiżi politika u ideat, li jinħatru żewġ assistenti segretarju ġenerali b’funzjonijiet mhux elettivi ħalli jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-politika u l-amministrazzjoni, kif ukoll bil-ħatra full-time ta’ Direttur għall-Kunsilli Lokali.
Ma’ dawn hemm ideat oħra kif il-funzjoni amministrattiva tal-partit tista’ tissaħħaħ waqt li l-finanzi jintużaw bil-għaqal.
Waqt il-laqgħa, Adrian Delia faħħar ix-xogħol siewi li għamlu Ann Fenech u Alex Perici Calascione fir-ristrutturar tal-finanzi tal-partit tul dawn l-aħħar erba’ snin.
“Dak li bdew Ann u Alex mat-timijiet tagħhom m’għandux jintrema wara s-16 ta’ Settembru, anzi rridu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li sar taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil,” temm jgħid Adrian Delia.
//= $special ?>