Internazzjonali

Ir-Renju Unit irid iżżomm l-ivvjaġġar mingħajr il-visa mill-UE

 

Il-Gvern Britanniku qed jaħseb biex l-ivvjaġġar tal-viżitaturi mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Renju Unit ikompli mingħajr il-ħtieġa għal visa, ladarba l-pajjiż jikkonkludi l-proċess għall-Brexit.

Intant – u skont il-proposti attwali – jekk il-viżitaturi mill-pajjiżi tal-UE jkunu jridu jaħdmu, jistudjaw jew ifittxu residenza fir-Renju Unit, huma jkunu jridu japplikaw għal permess (taħt il-proposti partikulari).

Fil-preżent, iċ-ċittadini tal-UE huma ħielsa biex jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit mingħajr permess.

Intant, il-Home Office (Ministeru għall-Intern) f’Londra qal li l-amministrazzjoni tal-immigrazzjoni ‘tinvolvi aċċess għax-xogħol u l-benefiċċji daqskemm tinvolvi l-kapaċità biex wieħed jikkontrolla l-aċċessi mill-fruntiera’.

Madankollu, il-Ministri għandhom jiffaċċjaw id-domandi dwar jekk ir-Renju Unit għandux iħalli ‘bieb tal-ġenb miftuħ’ għaċ-ċittadini tal-UE. Domanda oħra hi dwar kif il-Home Office għandu jevita sitwazzjonijiet fejn il-viżitaturi jdumu aktar miż-żmien previst, waqt li jsibu x-xogħol (fir-Renju Unit) mingħajr visa.