Internazzjonali Lokali

“Konna żewġ minuti ‘il bogħod – Tal-ħwienet daħluna nistkennu waqt l-attakk” – Malti li jinsab f’Barċellona

NET News għamel kuntatt ma' Malti li l-lukanda li fejn qed joqgħod tinsab fit-triq fejn seħħ l-attakk terroristiku f'Las Ramblas

“Konna żewġ minuti bil-mixi ‘il bogħod minn fejn seħħ l-attakk terroristiku fi Plaza de Catalunya, u tal-ħwienet mal-ewwel qalulna biex nidħlu nistkennu ġewwa” – kliem Malti li bħalissa jinsab ġewwa Barċellona, fejn NET News intervistah dwar dak li ra ftit mumenti wara l-attakk terroristiku tal-bieraħ.

Il-Malti ddeskriva s-sitwazzjoni fil-qalba ta’ Barċellona bħala waħda li kienet tixbaħ set ta’ film – fejn raw il-lożor li ntużaw biex jgħattu l-vittmi tal-attakk terroristiku, il-vann li intuża fl-attakk flimkien mal-biċċiet mkissra mifruxa, u d-diżastru li ħalla dan il-vann tat-terroristi warajh hekk kif għadda minn din it-triq prinċipali – bl-imwejjed u stands maqluba tar-ristoranti u l-bars.

NET News staqsa wkoll dwar is-sitwazzjoni bħalissa fit-toroq ta’ Barċellona, fejn fi kliem il-Malti stess stqarr: “In-normalita tinħass, iżda m’hawn xejn normali issa – filfatt hawn inqas nies fit-toroq ħdejn issoltu u hawn preżenza kbira ta’ Pulizija għas-sigurta”.

Ritratt meħud ilbieraħ waqt il-ħidma tal-Pulizija Spanjola

Dak il-ħin tal-attakk, kienu n-nies tal-lokal stess li bdew idaħħlu lin-nies fit-toroq ġewwa l-lukandi, l-ħwienet u d-djar tagħhom biex ikollhom fejn jistkennu. L-istess Malti stqarr ma’ NET News li l-lukanda tagħhom tinsab propju fl-istess triq fejn seħħ l-attakk terroristiku f’Las Ramblas, u aktar tard kienu l-Pulizija li eskortaw lit-turisti kollha lura lejn il-lukandi tagħhom.

Ara r-ritratti meħuda dalgħodu minn Barċellona stess:

Dalgħodu politiċi Spanjoli marru fuq il-post fejn seħħ l-attakk terroristiku:

Il-belt ta’ Barċellona, ilbieraħ, inħakmet minn paniku kbir wara li sewwieq ta’ vann saq għal fuq il-folol fiż-żona popolari ta’ Las Ramblas.

Il-vann għadda b’veloċità minn żona rriservata għan-nies, bl-azzjoni tkun imfissra bħala bħala attakk terroristiku.

Skont is-sorsi f’Barċellona li ma kenux ikkonfermati mija fil-mija, fl-attakk x’aktarx li mietu talanqas 14 il-persuna waqt li rriżultaw ukoll diversi midruba. Dan meta ċ-ċifra kienet mistennija titla’ aktar kemm jgħaddi ħin.

Aqra aktar dwar dak li ġara fl-attakk terroristiku f’Barċellona:

FILMAT: Mejtin u midruba waqt terrur fil-qalba ta’ Barċellona