Ekonomija Lokali

Kumpanija li tħaddem l-eluf f’pożizzjoni inċerta – Il-Gvern mingħajr risposta

Ritratt: The Malta Independent
Kumpanija internazzjonali tal-farmaċewtika tnaqqas 7,000 post tax-xogħol - Il-Gvern mingħajr ebda risposta dwar l-operat li jinsab f'Malta

Il-fabbrika internazzjonali tal-farmaċewtika Teva fi żmien qarib se tkun qed tagħlaq sitt impjanti din is-sena u disa’ oħra fl-2018 – dan sabiex tnaqqas l-ispejjeż u l-piż finanzjarju.

Pajjiżna jista’ wkoll jiġi milqut minn din ir-ristrutturazzjoni – dan hekk kif din l-istess kumpanija internazzjonali Teva hi s-sid il-ġdid tal-kumpanija Actavis li topera f’Malta. L-Actavis hija fabbrika tal-farmacewtika ewlenija f’pajjizna li minnha jiddependu mijiet ta’ familji Maltin u Ghawdxin.

Minħabba dan it-tħassib – id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech staqsa fil-Parlament lill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona – madanakollu ma ingħata l-ebda risposta, u b’hekk dawn il-familji Maltin u Għawdxin tħallew fil-għama dwar is-sitwazzjoni preżenti.

Claudio Grech staqsa dwar l-pożizzjoni preżenti u l-pjanijiet għall-futur ta’ din il-kumpanija ewlenija f’pajjiżna. Talab informazzjoni wkoll dwar kemm naqqset ħaddiema u jekk hemmx xi pjanijiet li jitnaqqsu aktar ħaddiema.

Iżda Chris Cardona naqas milli jagħti risposta relevanti – u filfatt Chris Cardona rrefera biss li l-Malta Enterprise qegħda ssegwi mill-qrib l-iżviluppi ta’ din il-kumpanija – u qal li l-Malta Enterprise tipprovdi inċentivi biex il-kumpaniji li hawn Malta jkunu aktar sostenibbli. Chris Cardona kompla li dwar il-ħaddiema hu ma jistax jirrispondi, u din il-mistqosija għandha tiġi risposta mill-Ministru kkonċernat.