Elezzjoni Kap PN

“L-aħbarijiet huma l-qofol tal-istazzjon” – Alex Perici Calascione

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, tkellem dwar l-importanza tal-media fid-dinja tal-lum

“L-aħbarijiet huma l-qofol tal-istazzjon. Huma l-pedament fundamentali li fuqhom jiddependi l-istazzjon kif ukoll il-partit” – stqarr dan il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.

Alex Perici Calascione stqarr li n-newsroom hi l-qalb tal-media tal-partit. Minnha joriġinaw l-istejjer … joriġinaw l-ideat … joriġinaw l-investigazzjonijiet.

Bil-mod kif qed tiżviluppa s-soċjetà Maltija, u l-mod kif il-media tal-Partit Laburista tirraporta l-aħbar, l-aspett ġurnalistiku fi ħdan il-media tal-partit jilgħab rwol ta’ importanza vitali.

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li quddiem Gvern li reġa’ qed jiddomina x-xandir tal-istat, kif  dejjem għamel meta kien fil-poter, il-Partit Nazzjonalista għandu jkollu media effiċenti u effettiva, bl-għodda u r-riżorsi neċċessarji biex tkun dejjem lesta u ma tibżax tinvestiga.

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikollu l-aqwa ġurnalisti li jistħarrġu, jinvestigaw u jwasslu l-aħbarijiet b’mod l-aktar korrett lill-pubbliku.

Alex Perici Calascione stqarr li l-ġurnalisti tagħna huma ddedikati … huma leali … u jagħmlu minn kollox biex iwasslu l-aħbar. In-newsroom tagħna hija mogħnija b’ġurnalisti professjonali li l-ewwel impenn tagħhom hu li l-pubbliku jkun infurmat, bl-aktar mod korrett, b’dak kollu li jkun qed jiġri.