Lokali Qorti

L-akkużat li daħħal 18-il kilo droga ma jweġibx għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Maġistrat

Fil-Qorti kompla jiżvolġi l-każ tal-Ingliż Mark Dominic Vella, li għandu 53 sena, li daħal Malta bi 18-il kilo droga. Vella, li hu minn Manchester u residenti San Pawl il-Baħar, qed jiġi akkużat li importa u ttraffika d-droga wara li daħal Malta minn Katanja bit-trakk tiegħu.

Il-klieb ta’ kontra d-droga qajmu suspett li Vella jista’ jkun għandu d-droga moħbija fil-vettura tiegħu. Wara li saret tfittxija mill-pulizija, instabu 12-il kilo eroina u sitt kilo kokaina li ttieħdu d-depot.

L-akkużat mhux ser jitlob għall-ħelsien mill-arrest għalkemm ma wieġibx għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Hu saħansitra ma kkonfermax ismu. Il-Qorti talbet biex jiġi ffriżat l-inventarju tal-ġid kollu tal-akkużat, inkluż il-flus u l-propjeta’ tiegħu.

Il-każ ser ikompli jinstema’ l-ġimgħa d-dieħla filwaqt li l-akkużat qed jinżamm taħt arrest fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.