Internazzjonali

L-INDJA: Tifla stuprata twelled b’ċesarja

 

Tifla Indjana ta’ għaxar snin li spiċċat vittma ta’ stupru welldet tifla b’ċesarja u wara li hi ma ngħatatx il-permess għal abort mill-Qorti Suprema tal-Indja.

Ir-rapporti qalu li t-tifla inkwistjoni ‘mhix konxja li welldet tarbija’ u meta, waqt il-perjodu tat-tqala, qrabatha kienu qalulha li hi kellha żaqqha kbira ‘minħabba ġebla kbira li żviluppatilha hemmhekk’.

It-tarbija tat-tifla, mat-twelid, kienet tiżen 2.5 kilogramma, bil-proċess taċ-ċesarja jsir fl-inħawi ta’ Chandigarh. Ir-rapporti qalu wkoll li l-omm ċkejkna u bintha ‘jinsabu tajbin’.

It-tifla-omm qed tallega li hi, fl-aħħar xhur, spiċċat suprata diversi drabi minn zijuha li, illum, qiegħed jinżamm taħt arrest. It-tqala tagħha kienet ikkonfermata biss xahar ilu, meta hi ilmentat dwar uġigħ f’żaqqha u meta l-ġenituri tagħha ħaduha tiġri lejn l-isptar.