Internazzjonali

L-Uganda: Ir-refuġjati mis-Sudan t’Isfel jgħaqqdu l-miljun

epa04109366 A photograph made available on 04 March 2014 South Sudanese internally displaced persons (IDP) from Dinka ethnic group cross the Nile river by boat from Bor to Minkamman, South Sudan, 02 March 2014. A power struggle between South Sudanese President Salva Kiir and his former vice-president Riek Machar turned violent in mid-December, when clashes erupted between their ethnic groups, the Dinka and the Nuer. EPA/JM LOPEZ

L-ammont ta’ refuġjati mis-Sudan t’Isfel li qegħdin jingħataw il-kenn fl-Uganda issa laħħaq mal-miljun ruħ, skont stqarrija min-Nazzjonijiet Uniti.

Iċ-ċifra tirrifletti l-verità allarmanti dwar il-kriżi umana fir-reġjun li qed tiżviluppa bħala l-agħar waħda għar-refuġjati fid-dinja.

L-Uffiċjali fl-Uganda qalu li ma jistgħux ilaħħqu mal-influss tan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sudan t’Isfel. Dan waqt li l-aġenzija għar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet biex il-komunità internazzjonali żżid id-donazzjonijiet ta’ fejda u għall-impenn umanitarju.

Fl-aħħar sena, u bħala medja, madwar 1,800 refuġjat kienu qegħdin jaslu, kuljum, fl-Uganda. Dan qalu l-UNHCR fi stqarrija u meta miljun persuna ‘jew aktar’ mis-Sudan t’Isfel qegħdin jingħataw il-kenn fis-Sudan, l-Etjopja, il-Kenja, il-Kongo u r-Repubblika Ċentrali Afrikana.

L-ammont ta’ nies iddisprati li qed jaħarbu mis-Sudan t’Isfel żdied sew wara li żbruffaw mill-ġdid il-battalji f’Juba, il-kapitali ta’ dak il-pajjiż, f’Lulju tal-2016.

Ir-refuġjati li jirnexxilhom joħorġu mis-Sudan t’Isfel qed jirrakkuntaw dwar vjolenza u barbariżmu, meta l-gruppi armati (fis-Sudan t’Isfel) qegħdin jaħarqu d-djar bin-nies ġo fihom waqt li jimmassakraw ċivili quddiem il-familji tagħhom stess.

Rapporti oħra dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel irreferew għal ‘każi massiċċi ta’ strupru’ kontra n-nisa u l-bniet, waqt li s-subien f’dak il-pajjiż ‘qegħdin jinħatfu bl-iskop li jkunu ngaġġati għal-lieva sfurzata’.

Il-UNHCR, intant, wissa li ‘peress li r-refuġjati għadhom qegħdin jaslu bl-eluf, fl-Uganda, qegħdin jonqsu dejjem aktar l-ammonti tal-għajnuna li s-servizzi ta’ fejda kapaċi li jipprovdu fiċ-ċirkustanzi’.

Il-flus iġġenerati għall-kriżi lanqas jibdew mal-ispiża meħtieġa biex l-uffiċjali fl-Uganda jieħdu ħsieb ir-refuġjati mis-Sudan t’Isfel u l-komunitajiet lokali li qed jilqgħuhom.