Futbol Sport

Liverpool jieħdu deċiżjoni fuq it-tielet offerta ta’ Barcelona għal Coutinho

Coutinho talab lil Liverpool ikun trasferit

Liverpool irrifjutaw it-tielet offerta mingħand Barcelona għal Philippe Coutinho. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li l-klabb Ingliż ma aċċettax offerta ta’ madwar €124 miljun li potenzjalment setgħet tiżdied għal €130 miljun skont il-prestazzjonijiet tal-Brażiljan fin-Nou Camp.

Liverpool insistew li Coutinho mhux se jinbiegħ qabel tmiem is-suq tat-trasferimenti, minkejja li l-plejer ta’ 25 sena talab li jiġi trasferit. Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal ilbieraħ li ma kellu l-ebda aħbar dwar is-sitwazzjoni ta’ Coutinho.

Klopp insista kontinwament li Liverpool mhux taħt pressjoni biex ibiegħu lil Coutinho. Il-Brażiljan kellu staġun pożittiv l-istaġun li għadda bi 13-il gowl u seba’ assists f’31 logħba tal-Premier League, b’Liverpool jispiċċaw ir-raba’ u jikkwalifikaw għaċ-Champions League. F’dan l-istaġun, Coutinho għadu ma lagħabx logħba uffiċjali minħabba li jinsab imweġġa’.