Lokali

Mitħna unika fix-Xewkija bi pjan li tiġi restawrata

Mitħna li ġiet mibnija fis-seklu tmintax mill-Gran Mastru Perellos ġewwa x-Xewkija Għawdex, se tiġi restawrata. Dan ġie approvat mill-Kummissjoni tal-Ippjanar hekk kif din hija binja storika li għandha t-torri bil-bażi tagħha ottagonali.

Il-proġett se jinkludi li ssir pjazza żgħira madwar il-mitħna u faċilitajiet pubbliċi maġenb il-mitħna. Il-metodu ta’ restawr qed ikollu l-appoġġ ta’ Soprintendent tal-Patrimonju Kulturali.

Il-mitħna, li bdiet topera fl-1710 minn Ganni Scicluna, fiha daħla kbira, żewġ kmamar kbar u kċina fuq wara. Fin-nofs hemm garigor li jwasslek għal fuq is-saqaf tat-torri.

Fl-1956, il-mitħna serviet bħala l-ewwel post għal każin tal-banda tax-Xewkija u damet tintuża minn dan il-kumitat sal-1965. Minn dak iż-żmien l’hawn, is-sit baqa’ vojta u ma ntuża minn ħadd iżjed.