Lokali

Tibda petizzjoni kontra d-demmiela fil-Munxar

Residenti tal-Munxar ħadu l-inizjattiva li jibdew jiġbru l-firem f’petizzjoni kontra l-impjant ta’ riċiklaġġ tad-demel tal-bhejjem li jinsab qrib in-nies f’żona residenzjali fil-Munxar. Il-firem qed jinġabru għar-residenti tal-Munxar u Ta’ Sannat.

L-impjant, li beda jopera mingħajr ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt ambjentali, se jġib miegħu inkonvenjent u periklu għar-residenti kemm tal-Munxar kif ukoll dawk Ta’ Sannat.

F’artiklu pubblikat nhar l-Erbgħa li għadda f’In-Nazzjon, id-deputat parlamentari Għawdxi u Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Affarijiet Ewropej David Stellini, qal li ma jistax jifhem kif razzett ta’ tnax-il baqra fil-Munxar viċin ħafna tal-abitat, f’daqqa waħda sar impjant ta’ riċiklaġġ tad-demel tal-bhejjem.

Staqsa wkoll kif  jista’ jkun li produttur tal-ħalib jopera fl-istess razzett li fih hemm id-demmiela li tilqa’ d-demel kollu ta’ Għawdex.

Sadanittant, stqarrija maħruġa lbieraħ mill-Gvern, qalet li “operatur privat qed iressaq proposta mhux għal demmiela li tiddepożita materjal fuq barra, imma għal teknoloġija ppruvata f’pajjiżi oħra Ewropej li tittratta u tissepara d-demel fuq ġewwa u jirritorna l-iskart solidu lir-raħħala.”

Aktar qabel, stqarrija tal-Partit Nazzjonalista qalet li għalkemm il-PN jemmen li hemm bżonn ta’ demmiela biex taqdi l-bżonnijiet tal-bdiewa tal-irziezet, din għandu jinstabilha post alternattiv f’Għawdex, ’il bogħod mill-abitat.