Lokali

Tibqax thedded lill-whistleblower – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li l-aħbar żvelata fil-ġurnal The Times – li l-familja tal-whistleblower ta’ Egrant ġiet intimidata minn detectives Russi mqabbda minn Maltin jintimidaw lill-familja – hija allarmanti u tkompli tikkonferma għaliex il-whistleblower ħasset li kellha taħrab minn Malta wara l-elezzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-akkużi li għamlet il-whistleblower huma ta’ gravità kbira għaliex jolqtu każ li fih hemm implikat direttament il-Prim Ministru ta’ Malta.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat ilu x-xhur jhedded u jipprova jkisser il-kredibiltà ta’ din il-persuna tant li spiċċat ħarbet mill-pajjiż sabiex tħares il-famija tagħha bi tfal ta’ età żgħira sostna l-Partit Nazzjonalista.

L-Oppożizzjoni qegħda pubblikament tinsisti li l-Gvern jieqaf jintimida lill-whistleblower u joffrilha protezzjoni sħiħa. Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li huwa ta’ għajb kbir kif Gvern li xeba’ jiftaħar li daħħal liġi għall-protezzjoni ta’ min jikxef informazzjoni issa qed jhedded lil min kixef informazzjoni dwar il-Prim Ministru nnifsu.

Dawn l-akkużi ġodda jeħtieġ li jiġu investigati bis-serjetà u l-poplu Malti qiegħed jistenna bil-ħerqa l-eżitu tal-investigazzjoni li bħalissa għaddejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron Bugeja sabiex isir jaf il-verità sħiħa.

Fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sfida lil Joseph Muscat biex iwaqqaf l-intimidazzjoni kontra l-whistleblower ta’ Egrant.