Lokali

44 oġġett mitluf biss ritornati għand il-Pulizija f’sitt xhur

OLYMPUS DIGITAL CAMERA
Bejn Jannar u Ġunju 2017 ġew ritornati 44 oġġett mitluf biss għand il-Pulizija

F’sitt xhur kienu 44 oġġett mitluf biss li ġew ritornati għand il-Pulizija minn individwi li sabuhom.

Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm ħmistax-il okkażjoni fejn għand il-Pulizija ġew ritornati mobile phones, u b’mod ugwali kien hemm 15-il okkażjoni oħra fejn ġew ritornati kartieri, flus u cards tal-bank. Filfatt, mobile phones u flus kienu l-aktar oġġetti li ġew ritornati għand il-Pulizija fl-ewwel sitt xhur tas-sena.

Oġġetti oħra mitlufa u jinkludu kameras diġitali, fejn b’kollox ġew ritornati għand il-Pulizija ħames kameras diġitali fuq perjodu ta’ sitt xhur. Ġie rritornat ukoll GPS wieħed.

Imbagħad kien hemm seba’ okkażjonijiet fejn ġew ritornati oġġetti personali, li jinkludu żewġ arloġġi tal-idejn, żewġt iċrieket, brazzuletta, żarbun u haversack.

Persuna li ssib xi ħaġa mitlufa hija obbligata bil-liġi li troddha lura lil sidha, jew inkella, jekk dan ma jkunx magħruf, jagħtiha f’idejn il-Pulizija mingħajr dewmien.

Il-Kummissarju tal-Pulizija huwa obbligat bil-liġi li jippubblika l-lista tal-oġġetti mitlufa darbtejn, u jekk wara tliet xhur mill-ħruġ tat-tieni avviż sid l-oġġett ma jkunx deher, l-oġġett mitluf jkun jista’ jintalab bi dritt mill-persuna li tkun sabitu.

Il-lista kollha tal-oġġetti kollha mitlufa u li ġew ritornati għand il-Pulizija, tinsab hawn.

Ritratt: Arkivji