Lokali

Avviż ta’ tilwima industrijali fis-servizz pubbliku

Avviż għal tilwima industrijali wara li s-servizz pubbliku qed jonqos milli jagħti kuntratt ta’ xogħol indefinit lil grupp ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq fondi Ewropej. Dan ħabritu l-GWU wara li infurmat lill-Gvern b’dan in-nuqqas lejn il-ħaddiema membri tagħha.

Il-GWU qed issostni li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn ħaddiema fis-servizz pubbliku li jiġu ingaġġati fuq kuntratti definiti biex imexxu proġetti għall-perjodu stabbli. Dawk il-ħaddiema tas-servizz pubbliku li sena wara l-oħra jimpenjaw ruħhom biex iħaddmu s-sistema ta’ tqassim ta’ fondi Ewropej, kontabilità tal-proġetti kif ukoll li l-imsemmija proġetti jitlestew fil-ħin.

Dawn il-ħaddiema għal daqstant ma jistgħux jitqiesu li qed jaħdmu fuq pertjodu definit iżda, ix-xogħol tagħhom huwa rikorrenti għaliex huwa marbut mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea bl-aċċess għall-fondi Ewropej, il-ħaddiema msemmija għandhom xogħol kontinwu. Għaldaqstant wieħed jistenna li l-impjieg tagħhom mas-servizz pubbliku jkun konvertit f’wieħed indefinit.

Hija qalet li fis-sitwazzjoni tal-lum dawn il-ħaddiema qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar minħabba li jinsabu jaħdmu b’kuntratti definiti li jiġġeddu minn perjodu għall-ieħor. Għalhekk ma jagħmilha xejn faċli biex il-ħaddiema jippjanaw il-futur tagħhom.

Tenniet li għalhekk wara perjodu twil li fih iddiskutiet din is-sitwazzjoni u ma nstabet l-ebda soluzzjoni, il-GWU ma kelliex trid oħra x’tgħamel ħlief li tagħti avviż ta’ tilwima industrijali. F’każ li fi żmien tmient ijiem ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċċenti għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema fuq fondi Ewropej, il-GWU tkun ħielsa li tieħu dawk l-azzjonijiet industrijali kollha meħtieġa biex tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha.