Rapport: Keane Cutajar
Balzan: I. Janjusevic, R. Fenech, S. Bezzina, A. Alves, P. Fenech, B. Kaljevic, U. Ljubomirac (J. Zerafa 83’), A. Effiong (L. Micallef 63’), J. Borg, B. Oliveira (E. Serrano Valero 50’), M. Johnson
Naxxar: O. Borg, A. Buhagiar, D. Falzon, F. Serafino (G. Grima 87’), M. Micallef, D. Bonnici, M. Botta, M. Fenech, RG. Cassar, J. Ellul (T. Nappa Licari 76’), A. Lo
Imwissija: B. Kaljevic 80’ (B), M. Fenech 80’ (N)
Skorjaw: B. Kaljevic 42’, U. Ljubomirac 57’ (B)
Referee: Clayton Pisani
Assistenti Referees: Alan Camilleri, Mitchell Scerri
Il-Mument Plejer tal-logħba: Bojan Kaljevic (Balzan)
Balzan fetħu l-impenji tagħhom għal dan l-istagun il-ġdid b’prestazzjoni tajba li sarrfet f’rebħa komda. Naxxar qatt ma rnexxielhom jidħlu fil-logħba, bil-qawwa ta’ Balzan tidher matul il-partita kollha. Sa mill-ewwel minuti, it-tim ta’ Marco Micovic wera l-intenzjonijiet tiegħu b’attakk wara l-ieħor li spiċċa ħalla lit-tim kollu ta’ Dennis Fenech wara nofs il-grawnd tagħhom għal ħinijiet twal matul il-partita, fir-ritorn tagħhom fil-Kampjonat Premier.
Balzan urew l-ewwel intenzjonijiet tagħhom wara għaxar minuti meta ballun fit-tul ta’ Ryan Fenech żmarka lis-Serbjan Ljubomirac li daħal tajjeb iżda ra x-xutt tiegħu jiġi salvat b’kumdità minn Borg. Fit-23 minuta ħarba veloċi ta’ Alves, li rnexxielu jgħaddi minn bejn erba’ plejers ta’ Naxxar, u ġie f’pożizzjoni tajba iżda ra l-ballun iħakkek mal-wieqfa wara li prova x-xutt.
Wara nofs siegħa logħob ir-referee waqqaf il-partita momentarjament biex il-plejers setgħu jixorbu bela’ ilma minħabba t-temperaturi għolja tas-sajf. Din hi xi ħaga li qegħdin naraw tiġri f’ħafna logħob ġo pajjiżi sħan madwar id-dinja. Il-kowċis ħatfu din l-opportunità biex jagħtu xi struzzjonijiet lill-plejers tagħhom. Din l-istess waqfa reġgħet saret fit-73 minuta.
Waslet azzjoni perikoluża fit-38 minuta, meta Effiong sab ruħu fil-kaxxa ż-żgħira li qabbeż minn fuq Omar Borg bit-tentattiv tiegħu jaħbat mal-wieqfa. Minuta biss wara, Kaljevic irċieva kross perfett mix-xellug iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata tajjeb minn Borg, mir-rebound il-captain ta’ Balzan spara għoli anke jekk Borg kien għadu mal-art.
Tasal l-ewwel azzjoni ta’ Naxxar fl-40 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Daren Falzon fir-ritorn tiegħu, li ġiet salvata minn Janjusevic biex mill-istess azzjoni, Balzan tellgħu attakk ieħor li wassalhom għal korner. Inkariga minnu Ryan Fenech u mill-kross Bojan KALJEVIC interċetta lil kulħadd u tefa’ fix-xibka biex fetaħ l-iskor, wara ħafna persistenza mit-tim ta’ Micovic.
L-ewwel azzjoni denja tat-tieni taqsima waslet minn naħa ta’ Balzan fit-53 minuta, meta Ryan Fenech għadda lejn Ljubomirac b’pass li ġabu waħdu iżda ix-xutt tal-aħħar kien kemm xejn batut, ċentrali u faċli għal Borg biex salva.
Jasal it-tieni gowl ta’ Balzan fil-57 minuta meta wara kontrattakk li beda minn Paul Fenech, il-ballun kien mgħoddi tajjeb lejn Alfred Effiong li prova iqabbeż lil Borg li inqabad barra iżda laqat il-wieqfa. Il-ballun reġa’ waqa’ f’saqajn Balzan għand Kaljevic li qassam lejn Uros LJUBOMIRAC li b’kumdità tefa’ lil Balzan 2-0 minn fuq fid-debutt tiegħu mal-klabb fil-Kampjonat Premier.
//= $special ?>