Żewġ ommijiet ‘homeless’ b’erbat itfal m’għandhomx fejn joqgħodu, u matul il-ġurnata qed ikollhom jispiċċaw iduru u jgħaqqdu fit-toroq b’ta’ fuqhom senduqhom.
Iż-żewġ ommijiet, Sharon ta’ 38 sena u Mariolina ta’ 44 sena, sabu l-kuraġġ li jitkellmu ma’ NET News dwar dak li għaddejjin minnu. Riċentament, Mariolina sofriet it-tielet attakk tal-qalb li rrendiha f’sitwazzjoni impossibbli li taħdem. Min-naħa tagħha, Sharon qed tagħmel ħilitha biex issib xogħol wara li kienet ilha għal dawn l-aħħar xhur tlaqqat xi ħaġa tal-flus b’xi xogħol li kien jiġi għal idejha.
In-nuqqas ta’ flus u dħul wassal biex kemm Sharon kif ukoll Mariolina kellhom joħorġu mill-postijiet fejn kienu qed jgħixu ma’ uliedhom, u sa issa għadhom ma sabux post ieħor b’kera raġjonevoli. B’hekk, iż-żewġ ommijiet u t-tfal tagħhom spiċċaw ‘homeless’.
Fi ġnien pubbliku mdawwrin b’uliedhom, tnejn ta’ ħdax-il sena u tnejn ta’ tnax-il sena, Sharon u Mariolina spjegaw li filgħaxija qed imorru jorqdu ġox-xelter ta’ billejl ‘Dar Maria Dolores’ f’Birkirkara. Ix-xelter joffri ikla, sodda u saqaf għal billejl u ikla oħra f’nofsinhar. Iżda matul il-bqija tal-ġurnata, iż-żewġ ommijiet u uliedhom iridu jaraw fejn jagħtu rashom.
“Mid-disgħa ta’ filgħodu sa’ filgħaxija trid tara fejn se ddabbar rasek bit-tfal,” qaltilna Mariolina. Bid-dmugħ f’għajnejha, Sharon kompliet “Għaliex għandi noqgħod niġri bit-tfal barra f’din ix-xemx sempliċiment għax m’għandix dar fejn ngħix? Mhijiex ħajja normali, mhijiex in-normalità,” żiedet tgħid.
Fix-xelter ta’ billejl, l-erbat itfal ta’ Sharon u Mariolina huma l-uniċi tfal. Is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli l-oħra li jagħmlu użu mix-xelter ta’ billejl, ma jagħmilx dan il-post bħala wieħed ideali għat-tfal.
“Irrid ngħix ħajja normali, fejn jekk it-tifel jitlobni pakkett ħelu fis-siegħa ta’ waranofsinhar, inkun nista’ nagħtihulu, u mhux ikolli ngħidlu biex jistenna sakemm isir il-ħin li mmorru lura fix-xelter ta’ billejl,” qaltilna Sharon. “Irrid ngħix ħajja normali fejn it-tfal ikunu jistgħu jużaw il-kamra tal-banju kemm iridu, mingħajr ma jmur xi ħadd iħabbtilhom għax ikun sar il-ħin,” żiedet tgħid.
Anke Mariolina b’xeqa li hi u ż-żewġ ulieda jgħixu ħajja normali. “Mhux qed nitlob villel, iżda mqar żewġt ikmamar fejn jien u uliedi nerġgħu niġu għan-normal,” qaltilna Mariolina.
Biex fetħu qalbhom u urew wiċċhom, għaż-żewġ ommijiet kien pass diffiċli ħafna. “Xbajt naħbi wiċċi, imma issa iddeċidejt li rrid insemma’ leħni, għax inkella ma nasal imkien. M’inix qed nippretendi l-impossibbli, iżda għallinqas li nkun nista’ ngħix bħal nies oħra,” qaltilna Sharon imbikkma.
“Min qed jgħix din it-tip ta’ ħajja m’għandux jistħi joħroġ fil-beraħ,” kompliet Mariolina. “Għal uliedi lesta li nagħmel kollox, assolutament kollox,” żiedet tgħid waqt li b’vuċi miksura qalet li ħadet il-pass li tirrakkonta l-istorja tagħha biex jekk joħodha Alla, it-tfal tagħha jkunu siguri.
Iż-żewġ ommijiet u uliedhom m’għandhom xejn, għajr il-ħwejjeġ ta’ fuqhom u xi ftit ħwejjeġ oħra li ngħataw permess iżommu fix-xelter ta’ billejl. Fix-xelter, l-ommijiet mhumiex permessi jdaħħlu ikel jew affarijiet oħra.
Għaldaqstant, l-appell tagħhom huwa li jingħataw għajnuna finanzjarja biex meta jkunu barra x-xelter ta’ billejl, ikunu jistgħu jgħaddu minn ġurnata għall-oħra. Iżda l-iktar affarijiet li jeħtieġu ż-żewġ ommijiet huma akkomodazzjoni b’kirjiet raġjonevoli u xogħol li jkun jippermettilhom jibqgħu jieħdu ħsieb uliedhom waqt li jaħdmu.
//= $special ?>