Lokali Qorti

Għex minn fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu

Alexander Testi, raġel Taljan ta’ 32 sena imwieled fl-Għarabja Sawdija, kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €50 wara li ammetta li għex minn fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu.

Il-Pulizija kienet intervjeniet wara li s-sieħba tiegħu, li xebgħet mill-mod li kienet qed tiġi sfruttata, marret għamlet rapport.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, it-Taljan qal li huma kienu f’relazzjoni għal sitt xhur u li s-sieħba tiegħu kienet kuntenta taħdem bħala prostituta.  Il-Prosekuzzjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li hu mhux qed jiġi akkużat li sfurzaha għall-prostituzzjoni iżda li għex minn fuq il-qliegħ tal-istess prostituzzjoni.

Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma fejn l-akkużat kien ordnat ma jersaqx lejha għal tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri filwaqt li l-Avukat Martin Fenech assista lil Testi.