Ambjent Lokali

Id-demmiela mhux postha fil-Munxar – PN

Il-gvern raqad fuq il-Pjan Nazzjonali tal-Immaniġjar tal-iskart u qed f'riskju li jpoġġi l-pajjiżna fi skrutinju mal-UE.

“Hija biss logħob bil-kliem.” Hekk kienet deskritta l-istqarrija li ħareġ il-Gvern dwar l-impjant tar-riċiklaġġ tad-demel li hemm fil-Munxar miIl-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said.

Minkejja li l-Gvern fassal il-Pjan Nazzjonali tal-Immaniġjar tal-Iskart 2014 – 2020, illi ġie approvat f’Jannar 2014, il-gvern raqad fuqu u baqa’ ma implimentahx biex issa qed ipoggi lil pajjiżna f’riskji mal-Unjoni Ewropeja.

L-istqarrija tenniet li f’Għawdex jaf kulħadd li kemm il-Ministru preċendenti t’Għawdex u anke l-Ministru t’Għawdex tal-lum kellhom laqgħat mal-bdiewa fejn insistew magħhom li ma għandhomx alternattivi ħlief li jibdew iġorru d-demel lejn il-Munxar biex jiġi separat jew jingħalqilhom l-istabilment. U saħansitra anke kuntratti ġew iffirmati bejn ir-raħħala u l-operatur.  Anke informazzjoni bħal din ġiet mgħoddija mill-Ministru ghal Għawdex lis-settur tat-turiżmu fejn saħansitra l-Ministru uriet diżappunt li l-Kunsill ta’ Ta’ Sannat ħareġ ukoll kontra l-proġett fil-Munxar.  

Min-naħa tiegħu d-Deputat Għawdexi David Stellini qal li din hi lokalità żgħira li ma tiflaħx operazzjoni bħal din. Hemm riskji marbutin ma’ dan il-proġett li żgur ma jagħmlux il-lokalità tal-Munxar bħala sit idoneo għal dan il-proġett.

Il-Ġimgħa l-Kunsill Lokali tal-Munxar qal li x-xogħol diġà beda mingħajr il-permessi neċessarji u dan il-Kunsill huwa b’maġġoranza Laburista. Il-Partit Nazzjonalista kien dejjem ċar li ser ikun qed jiddefendi l-interessi tan-nies tal-Munxar quddiem kull istituzzjoni kemm lokali u anke nazzjonali u kemm bżonn iktar minn hekk ukoll.  

Fl-istess stqarrija Toni Bezzina il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Biedja u s-Sajd qal li l–Partit Nazzjonalista kien ċar ħafna mar-raħħala sa minn qabel l-elezzjoni u offra soluzzjoni bi gwaddan għar-raħħala u li għadu jemmen fihom ghax jixraqilhom ħafna aħjar minn dak li qed jiġu sfurzati jagħmlu bħalissa.

Huwa qal li Positijiet f’Għawdex ‘l bogħod mill-abitat jeżistu u jeżistu bil-qabda. Jista’ jekk irid il-Gvern jagħżel sit alternattiv u jagħmel l-istudji kolla neċessarji. 

Il-PN għalaq billi saħaq li fuq kollox l-importanti huwa li l-bdiewa u r-raħħala jaqilgħu l-flus minn dan kollu. “Huma l-bdiewa u r-raħħala li għandhom jaqilgħu l-flus minnu, mhux il-privat.”