Lokali

Il-Bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija fuq il-BBC

L-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti kienet fic-centru ta’ programm investigattiv li xxandar iktar kmieni din il-ġimgħa fuq l-istazzjon tar-radju internazzjonali BBC World Service.

Il-programm ta ħarsa lejn ir-rekwiżiti biex wieħed jixtri ċ-ċittadinanza Maltija. Fost dawk intervistati kien hemm Jonathan Cardona, Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta li spjega l-proċess rigoruż ta’ verifika qabel ma wieħed jista’ jixtri l-passaport.

Mistoqsi mill-BBC, Cardona ammetta li l-aċċess għall-Unjoni Ewropea hi l-attrazzjoni ewlenija ta’ dan il-programm iżda sostna li Malta hi attrazzjoni fiha nnifisha għall-investituri.

Madwar elf persuna sa issa xtraw il-passaport Malti minn meta ddaħħal il-program fl-2014. Il-Preżentatur ikompli li 80% ta’ dawn, għażlu li jikru flok jixtru propjeta’ f’Malta.

Dan il-fatt qed iwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-propjeta’. Il-BBC jikkwota ċifri tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li juru żieda ta’ 7% fis-sena fil-prezzijiet tal-propjeta’ u – iktar kruċjali għax jolqot faxex vulnerabbli tas-soċjeta’ – żieda ta’ 10% fis-sena fil-prezzijiet tal-kiri tal-propjeta’.

Fost dawk intervistati, kien hemm ukoll Christian Kalin, Kap Eżekuttiv ta’ Henley & Partners, li qal li l-iskemi bħal dawk ta’ Malta huma l-polza tal-assikurazzjoni tas-seklu 21 li jgħinu persuni biex jgħixu jaħdmu f’pajjiżi differenti madwar id-dinja.

B’kuntrast ma’ dawk li xtraw il-passaport Malti, il-BBC intervista lil Helga Ellul, imprenditriċi Ġermaniża li għal snin twal kienet tmexxi l-fabbrika tal-Playmobil f’Malta u li 15-il sena ilu, ħadet iċ-ċittadinanza Maltija. Hi tispjega għaliex

Min-naħa l-oħra, kien hemm min xtara l-passaport u qed jgħix f’Malta. Il-BBC jintervista lil Amar, żagħżugħa ta’ 21 sena mill-Yemen li llum il-ġurnata qed tgħix f’Malta mal-familja tagħha. Din kienet l-unika waħda fost il-mijiet tal-applikanti li aċċettat li tkun intervistata. Il-familja tagħha ġiet Malta ftit wara li faqqgħet il-gwerra ċivili f’pajjiżha li s’issa ħalliet mat-8,000 persuna mejta.

Il-programm sħiħ jinsab ukoll online fuq is-sit tal-BBC.