Il-vapur kontroversjali C-Star, li qed jintuża minn attivisti biex ifixkel il-ħidma ta’ salvataġġ fil-Mediterran ma tħalliex jidħol f’Malta.
Is-sidien li qed joperaw il-vapur, il-grupp hekk imsejjaħ Defend Europe, ħareġ qatta’ bla ħabel kontra Malta. Fuq Twitter, il-Grupp qal li Malta, li tħalli NGO’s jużaw il-Belt Valletta bħala bażi, qed tiċħad permess għal C-Star.
Fi tweet oħra, Defend Europe qalu li Malta – li hi l-bieb miftuħ għall-immigrazzjoni llegali lejn l-Ewropa – qed tagħlaq il-bibien tagħha għal ċittadini Ewropej.
Il-bastiment ilu fiċ-ċentru ta’ kontroversja għal dawn l-aħħar ġimgħat hekk kif l-ekwipaġġ jipprova jimblokka l-ħidma ta’ salvataġġ ta’ refuġjati fil-Mediterran biex iwaqqfu “invażjoni”.
Kelliem għall-Gvern Malti, filwaqt li ppreċiża li m’hemmx emerġenza, qal li l-bastiment mhux milqugħ f’pajjiżna minħabba dak li jirrappreżenta.
Il-Parlament Ewropew kien iddeskriva lis-C-Star bħala l-bastiment tal-mibegħda filwaqt li l-Ministru tat-Trasport Taljana jinsab taħt pressjoni f’pajjiżu stess biex ma jibqax iħalli lill-bastiment isorġi f’Catania.
//= $special ?>


