Elezzjoni Kap PN Lokali

“Impenn bla rażan kontra l-korruzzjoni” – Adrian Delia

“M’aħniex ngħixu f’pajjiż normali, u għalhekk l-impenn tiegħi bla rażan kontra l-korruzzjoni”. Qal dan il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lill-Kunsilliera, it-tesserati u l-membri tal-Kumitati Sezzjonali.

Adrian Delia qal li l-istituzzjonijiet mhumiex qed jiffunzjonaw kif suppost, u l-Partit Nazzjonalista reġa’ sab ruħu f’sitwazzjoni fejn irid jiġġieled il-korruzzjoni li ħakmet lill-Gvern ta’ Muscat, u li qed tifni lill-pajjiż.

Il-kandidat għal Kap tal-PN sostna li uliedna ħaqqhom pajjiż aħjar u rridu nkunu aħna, il-ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja fil-pajjiż, li ntuhom lura pajjiż nadif mill-korruzzjoni.

“Nappella lil dawk fi ħdan il-Gvern li huma ta’ rieda tajba u li huma wkoll jinsabu ddiżgustati bil-korruzzjoni li qed tidħol f’kull livel tal-Gvern, biex iqumu u jitkellmu,” qal Adrian Delia, waqt li appellalhom biex ma jħallux il-Partit tagħhom jerġa’ jieħu t-timbru ikrah li kellu fis-snin 70 u 80.

“Iġġieldu magħna, tal-Partit Nazzjonalista, kontra l-klikka li ħakmet lill-Partit Laburista u l-Gvern immexxi minnu,” żied jgħid.

Adrian Delia fakkar kif hu kemm-il darba sab ruħu waħdu jiġġieled il-korruzzjoni fil-football iżda dan qatt ma qatagħlu qalbu. “Jien u l-familja tiegħi konna u għadna soġġetti għal theddid u vendikazzjonijiet għaliex dejjem iġġilidt il-korruzzjoni, imma lili m’hu se jintimidani ħadd u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni beħsibni nibqa’ nagħmilha sal-aħħar nifs ta’ ħajjti,” saħaq Adrian Delia.

Adrian Delia irrefera wkoll għal Simon Busuttil u qal li dan huwa eżempju ta’ bniedem li wkoll ma beżgħax jiġġieled il-korruzzjoni bil-qillla kollha. Innota li xogħlu mhux mitmum, u awgura li wara s-16 ta’ Settembru li ġej, kulħadd ikun spalla ma’ spalla biex b’Mod Ġdid titfassal strateġija dwar kif se tkompli tiġi mikxufa u miġġielda l-korruzzjoni.