Tletin sena’ ta’ esperjenza fil-politika, minn membru f’fergħa tal-partit għal Sindku, minn deputat għal segretarju parlamentari, minn Ministru għal Segretarju Ġenerali u issa kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Tarġa tarġa, pass pass qatt ma tlaqt niġri, tgħallimt, żbaljajt, tgħallimt mill-iżbalji, u għadni nitgħallem kuljum. Issa qed inpoġġi tletin sena esperjenza, ħafna enerġija u determinazzjoni, bżulija u ħegga biex inġeddu l-partit għas-servizz tal-pajjiż li għalih tajt saħħti kollha.
Nagħtikom kelmti: bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista mhux se niddiżappuntakom, anzi se nagħmel ħilti kollha biex, flimkien, nissaħħu u nirbħu.
Ma ġejtx ilbieraħ fil-politika, allura ma nistgħax nissejjaħ ġdid, iżda għalija l-mod ġdid l-aktar importanti hu wieħed: niftaħ beraħ il-bibien tal-partit għal kull min hu ġenwin, tal-affari tiegħu u jħobb lil partit u lil pajjiżu. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt li s-SIbt filgħodu kien qed jiġi intervistat minn Angelo Micallef fuq Radio 101.
Mill-għada li nsir Kap tal-PN, se nxammar il-kmiem u mhux se naħli minuta, għax il-ħin kontrina. Hemm bidliet importanti x’nagħmlu fil-partit. Hemm strutturi li jridu jiġġeddu, hemm nies ġodda li rridu niftħulhom il-bieb biex jaħdmu ma min ilu jagħti ħinu, u saħħtu, għall-partit. Hemm midja tal-partit li rridu nibnu fuq it-tajjeb ħafna li għandna u nsaħħuha b’aktar investiment fil-ġurnalisti u aktar programmi politiċi fuq in-NET u Radio 101. Hemm kumitati sezzjonali li rridu ntuhom l-għodda meħtieġa biex jaħdmu ahjar.
Darba f’ġimgħa, naħdem minn każin differenti f’lokalità, biex inkun viċin in-nies f’kull belt u raħal. Inwaqqaf il-bejgħ tal-każini u nagħmel uffiċċju tal-customer care f’kull lokalità. Nerġa’ ndaħħal is-sistema tal-istreet leaders.
Ħafna u ħafna xogħol xi jsir, iżda għandi ħeġġa u enerġija kbira. Determinat li, flimkien magħkom, insaħħuħ il-Partit Nazzjonalista u nerġa’ nagħmlu partit rebbieħ, saħaq Chris Said.
Chris Said qal li bih Kap Simon Busuttil ikollu sehem importanti fil-Partit Nazzjonalista biex flimkien inkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Chris Said spjega kif bħala Kap tal-Oppożizzjoni jagħti free vote lid-deputati fuq temi etiċi u morali kull fejn hemm bżonn. Mill-gvern, nerġa’ ndaħħal it-termini omm u missier fil-liġi taż-żwieġ ugwali, qal il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, u dan mingħajr ma nnaqqas xejn mid-drittijiet li ngħataw lil koppji tal-istess sess.
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said saħaq li gvern nazzjonalista mmexxi minnu jagħti prijorità lill-anzjani u l-pensjonanti, fosthom permezz ta’ għajnuna finanzjarja lin-nanniet li jieħdu ħsieb in-neputijiet, ebda taxxa tad-dħul fuq il-pensjoni u mediċina b’xejn għall-mard relatat mal-anzjani.
Chris Said spjega kif irid li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun qalbu mal-ħaddiema u dan permezz ta’ dinjita fil-pagi u fil-livell tal-għixien tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Dwar il-Gvern Laburista, Chris Said qal li dak li hu tajjeb inżommuh, dak li hu ħażin inneħħuh, iżda quddiem l-inġustizzji fil-konfront ta’ Nazzjonalisti, Muscat, Chris Cardona u Chris Fearne se jsibu lilu u lill-Partit Nazzjonalista b’saħħithom kontra tiegħu.
Jien qatt ma bżajt mill-Labour, qal Chris Said, qatt ma kilt il-kirxa ma min irid ħsara lin-nazzjonalisti u lil kull min hu ta rieda tajba. Jien sod mal-prinċipji tiegħi, ktieb miftuh, xejn x’iħammarli wiċċi. Għax jekk iħammruli wiċċi jkunu qed iħammru wiċċ il-Partit Nazzjonalista u dan jien ma nista’ nippermettih qatt. Miegħi what you see is what you get – esperjenza, bżulija, enerġija, determinazzjoni u ħegga kbira biex nerġgħu nagħmlu l-Partit Nazzjonalista Partit rebbieħ, saħaq Chris Said.
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-mod ġdid ta’ kif imexxi l-Partit Nazzjonalista jkun ta’ partit li m’hemmx lok għal klikek; ta’ partit li miegħu tista’ tasal mhux ikun fil-gvern u l-ewwel kelma li jgħid lil min imur iħabbat għand Ministru tkun ‘Le’. Magħna tista’ u terġa’ tasal. Aħna rridu nerġgħu nkunu l-partit li jagħmel il-ħajja tan-nies aħjar mhux aktar diffiċli, qal Chris Said.
Chris Said sellem il-kapijiet kollha tal-Partit Nazzjonalista. Ħdimt taħt Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu mexxeja sodi, integri u bi prinċipji nsara: tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali qal Chris Said. Għalhekk kuraġġ, ġej żmien sabiħ għall-PN, l-esperjenza ta’ tletin sena għallmitni li l-ebda sfida mhi impossibbli għax fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa u jekk nissaħħu, nirbħu qal Chris Said.
//= $special ?>