Futbol Sport

Jispikkaw ir-rebħiet ta’ Liverpool u Southampton

Sadio Mane jiċċelebra wara li skorja l-gowl rebbieħ (Ritratt: Premier League)

Fit-tieni gurnata tal-Premier League fl-Ingilterra, Liverpool kellhom jitħabtu biex kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta f’Anfield għelbu lil Crystal Palace 1-0. Il-gowl deċiżiv tar-reds kien skorjat minn Mane fis-73 minuta.

F’logħba mill-iktar eċċitanti Southampton għelbu lil West Ham 3-2. Kien Gabbiadini li fetaħ l-iskor għal Southampton fil-11-il minuta u ftit wara n-nofs siegħa, West Ham spiċċaw bi plejer inqas meta tkeċċa Arnautovic. Fit-38 minuta Southampton irduppjaw grazzi għal penalty skorjat minn Tadic.  Minkejja li kienu bi plejer inqas West Ham xorta irkupraw l-iżvantaġġ b’doppjetta ta’ Hernandez fil-45 minuta u fis-76 minuta. Iżda Southampton kisbu rebħa drammatika grazzi għal penalty ieħor skorjat minn Austin fit-93 minuta.

Watford kisbu rebħa barra minn darhom għand Bournemouth b’gowls ta’ Richarlison u Capoue fl-aħħar kwarta tal-logħba. Fil-logħbiet l-oħra Leicester ħadu l-ewwel punti meta għelbu lil Brighton 2-0, u West Brom kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Burnley 1-0 barra minn darhom b’gowl ta’ Robson-Kanu fil-71 minuta, bl-istess plejer jitkeċċa seba’ minuti minn tmiem il-logħba.