Sport Sport Ieħor

Noel Baldacchino jtemm fis-sitt post fil-Kampjonat tad-Dinja taż-Żwiemel

Noel Baldacchino (nofs) flimkien mal-parteċipanti l-oħra

Is-sewwieq Malti Noel Baldacchino temm il-Kampjonat tad-Dinja għas-sewwieqa bis-serkin fis-sitt post, wara l-aħħar erba’ tiġrijiet tal-pejsa fil-korsa ta’ Charlottetown fuq Prince Edward Island il-Kanada. F’dawn it-tiġrijiet, Baldacchino spiċċa t-tieni, il-ħames, is-sitt u l-għaxar post, biex ġabar 28 punt oħra u temm il-Kampjonat b’148 punt u rebaħ $1,000 fi premju.

Il-Kanadiż James McDonald li kien qed isuq din l-aħħar tappa fil-korsa tal-provinċja tiegħu, spiċċa bħala r-rebbieħ. Inċidentalment kien biss fl-aħħar jiem qabel beda l-kampjonat li McDonald kien dikjarat bħala parteċipant wara s-sospensjoni ta’ Brandon Campbell fuq każ ta’ doping.

Dan il-kampjonat li fih jiġu mistiedna l-aqwa ġerrejja tad-dinja skont il-prestazzjoni tagħhom, kien jikkonsisti fi 22 tiġrija tal-pejsa u trot fuq ħames koros f’erba’ provinċji fil-Kanada.

Baldacchino fost it-tiġrijiet irnexxielu jirbaħ tiġrija, spiċċa darbtejn it-tieni u tliet darbiet it-tielet. Meta wieħed iqis li kien qed jieħu sehem ma’ sewwieqa ta’ esperjenza mondjali f’koros u kundizzjonijiet totalment differenti minn dawk li mdorri jsuq fihom, u anki l-polza ftit kienet ta’ għajnuna, Baldacchino kiseb riżultat pożittiv.