Futbol Sport

Rebħa mqanżħa għal Valletta

Jean Borg jipprova jibni azzjoni fuq il-linja xellugija (Ritratt: Domenic Aquilina)

Valletta: H. Bonello, R. Romao, S. Borg, J. Cruz Gill, J. Borg, C. Pani, R. Saleh, S. Malano, D. Rocha dos Santos (K. Nwoko 59’), M. Mifsud (N. Pulis 80’), N. Asceric

Mosta: A. Vella, S. Datsenko (E. Davidson Oladejo 81’), T. Farrugia, T. Veronese, K. Magro (D. Fenech 63’), D. Ifeanyi, Z. Brincat, D. Xuereb, E. Bilbao Zarate (K. Frendo 77’), C. Martins, R. Ekani

Imwissija: C. Pani 22’, N. Asersic 58’, R. Romao 75’ (V), S. Datsenko 44’, C. Martins 54’ (M)

Tkeċċa: C. Pani 77’ (V)

Skorja: C. Pani 45’ pen (V)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Roberto Vella, Martin Borg

Il-Mument Plejer tal-logħba: Santiago Malano (Valletta)

Attendenza: 712

Valletta fetħu l-kampjonat tagħhom b’rebħa diffiċli ta’ 1-0 fuq Mosta. Il-Beltin ma kellhomx wirja sodisfaċenti iżda jieħdu tliet punti importanti li tagħtihom nifs fil-bidu ta’ kampjonat li jittamaw li jkunu fost l-isfidanti.

Madankollu wara l-prestazzjoni tal-ewwel logħba, il-kowċ Zoran Popovic żgur li għandu x’jaħdem hekk kif Valletta ma kinux perikolużi daqs kemm wieħed jistenna u kellu jkun penalty ftit diskutibbli li wassal għar-rebħa. Il-Beltin kienu xotti mill-ideat u bdew joqogħdu aktar fuq il-ħarbiet tal-plejer offensivi tagħhom.

Mosta fuq in-naħa l-oħra, kellhom partita sodisfaċenti hekk kif minkejja li affrontaw tim aktar kwotat, bdew jistennew ħafna drabi u jippruvaw joperaw bil-kontrattakki. Żgur li t-tim taħt Johann Scicluna jidher aktar f’postu mill-bidu tal-istaġun li għadda, u jawgura tajjeb għalihom.

It-tim ta’ Popovic reġa’ mar qrib l-ewwel gowl man-nofs siegħa logħob meta Asceric qassam lil Malano li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Andreas Vella, iżda l-gowlkiper Mosti rnexxielu jsalva parzjalment b’siequ bid-difiża Mostija tbiegħed il-periklu.

Iżda Valletta rnexxielhom jidħlu jistrieħu gowl minn fuq meta fil-45 minuta, ir-referee Stefan Pace ġġudika ġibda fil-kaxxa ta’ Semen Datsenko fuq Nikola Asceric, deċiżjoni li qajmet rabja fost il-klan Mosti. Mill-11-il metru, Claudio PANI bagħat lil Vella n-naħa l-oħra tal-ballun għal gowl tal-vantaġġ.

Il-Beltin kellhom ikomplu l-logħba fis-77 minuta b’raġel anqas wara li tkeċċa Claudio Pani għat-tieni karta safra wara li għamel fawl f’nofs il-grawnd. Mosta b’vantaġġ numeriku, żiedu l-isforzi tagħhom u minuta wara, xutt djagonali tas-sostitut Kyle Frendo għadda ftit barra.

Mosta kellhom l-inizjattiva u marru qrib id-draw bl-aħjar azzjoni tal-logħba. Kien kross mix-xellug li sab lil Zac Brincat li tar minn tulu u b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ prova fil-lasta, iżda Henry Bonello kien attent u salvat b’mod brillanti għal korner.

Valletta spiċċaw joperaw bil-kontrattakki u fid-89 minuta, marru viċin li jiskorjaw it-tieni gowl, b’azzjoni personali ta’ Asercic li spiċċat b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra.