Żewġ Somali tressqu l-Qorti akkużati b’reati separati li seħħew f’Paceville fis-siegħat li għaddew.
Fl-ewwel każ, Shabhan Adan Jama ta’ 21 sena li jaħdem fil-ġbir tal-iskart, tressaq quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale akkużat b’serq aggravat meta qata’ katina tad-deheb minn għonq raġel Russu u ħarab jiġri.
Jama wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u sostna, permezz ta’ interpretu u l-avukat tiegħu, li dan kien każ ta’ identita’ żbaljata. Tant hu hekk, li l-Pulizija ma sabitx oġġetti fuqu li setgħu jinkriminawh.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat għandu kondotta nadifa, għandu xogħol u residenza fissa u minħabba l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-akkużat. Liema talba kienet miċħuda mill-Qorti minħabba n-natura tar-reat u minħabba li għad hemm persuni li għad iridu jixhdu.
It-tieni Somalu, Mohamed Abib Hashi, ukoll ta’ 21 sena, kien akkużat b’pussess tad-droga kannabis f’Paceville għall-ħabta tas-siegħa tas-Sibt filgħodu. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Anki hawnhekk, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Iż-żewġ Somali tressqu mill-Ispettur Trevor Micallef filwaqt li l-akkużati kienu assistiti mill-Avukat Martin Fenech.
//= $special ?>

