Internazzjonali

Eluf f’Boston jiddimostraw kontra r-razziżmu

epaselect epa06152322 A Boston Police officer pushes back counter-protesters on Boylston Street in Boston, Massachusetts, USA 19 August 2017. The counter-protesters were gathered in response to an 'alt-right' 'Free Speech' rally. EPA/MATTHEW HEALEY

Fl-Istati Uniti, għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti għal kontra r-razziżmu opponew l-organizzazzjoni ta’ rally favur ‘l-espressjoni ħielsa’ li kellu jinkludi diskorsi minn kelliema tal-lemin.

Ir-rally għall-konservattivi, li sar f’Boston, attira biss folla żgħira u kellu jxolji minn qabel, fost it-tensjoni, u bil-parteċipanti jkunu eskortati ‘il hinn mill-pulizija.

Qabel, l-organizzaturi tar-rally kienu qalu li ma kellhomx iservu bħala strument għall-persuni li jridu jferrxu mibgħeda fost ir-razzez. Iżda t-tensjoni baqgħet iżżomm livell akut wara d-dimostrazzjonijiet ta’ ġimgħa qabel f’Charlottesville, fl-Istat ta’ Virginia, li kienu karatterizzati bi vjolenza u mewt.

Ir-rally ta’ sigħat ilu kien irriservat biss għall-inħawi tal-Boston Common u l-folol tad-dimostranti għal kontra r-razziżmu ċċirkondaw il-post għall-kelliema prinċipali – bil-pulizija iżżomm lid-dimostranti lura mill-aħjar li tista’. Dan waqt li l-folol għajjtu ‘le għan-Nażisti u l-faxxisti fl-Istati Uniti’.

Għalkemm ħarġu l-mijiet ta’ pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, inqalgħu xorta l- konfronti mad-dimostranti li kienu qed jopponu għar-rally. Uħud mid-dimostranti garaw il-ġebel lejn il-Pulizija, li min-naħa tagħha għamlet ‘il fuq minn 30 arrest.

Sadanittant, l-organizzaturi tar-rally ilmentaw dwar ‘l-informazzjoni żbaljata’ li setgħet qabblithom mal-estremisti tal-lemin li mexxew ir-rally f’Charlottesville. Dakinar raġel b’karozza kien saq għal ġo folla ta’ nies li kienu qed jipprotestaw għall-manifestazzjoni tal-lemin estremista, bir-riżultat li nqatlet mara ta’ 32 sena.