Elezzjoni Kap PN Lokali

FILMAT: Adrian Delia bi proposti biex jissaħħaħ l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali

“Sa mill-Oppożizzjoni rridu nagħmlu minn kollox biex insaħħu l-pożizzjoni tal-Awditur Ġenerali biex dan jaħdem bl-akbar awtonomija ħalli jżomm lill-politiċi kontabbli”. Qal dan il-kandidat għal Kap tal-PN Adrian Delia.

Delia spjega li l-irwol tal-Awditur Ġenerali hu importanti ħafna, iżda dan m’għandux biżżejjed riżorsi. Qal li għalkemm mhux bilfors dejjem naqblu mal-konklużjonijet tiegħu, qatt m’għandna nimminaw l-irwol tiegħu, għax huma istituzzjonijiet bħall-Awditur Ġenerali li jagħtu fiduċja lill-poplu li hemm xi ħadd fuq il-politiċi.

Adrian Delia fakkar li kien l-Awditur Ġenerali li kixef numru ta’ skandli, fosthom l-iskandlu ta’ Gaffarena u tal-Cafè Premier. Imma fakkar li hemm rapporti li kultant ma jiffavorixxux lill-Partit Nazzjonalista. Kien hawnekk fejn Adrian Delia qal li anke dawn ir-rapporti rridu nagħtu każhom u nirranġaw biex intejjbu l-operat.

Fost il-proposti ta’ Adrian Delia hemm li jiżdiedu r-riżorsi tal-Awditur Ġenerali. Imma fl-aħħar jiem ħabbar ukoll proposti għall-qasam tal-ġustizzja, li reġa’ sar priorità urġenti. Fost il-proposti hemm eżaminazzjoni tal-possibiltà li tinbena Qorti ġdida li tikkumplimenta dik eżistenti u b’hekk ikunu jistgħu jinħatru aktar ġudikanti u jitħaffu s-sentenzi.

Proposti oħra huma: awtonomija amministrattiva għall-Qrati b’budget allokat lilhom; żieda fl-Imħallfin fil-Qorti tal-Familja u proċeduri simplifikati; diskussjoni dwar jekk wasalx iż-żmien li jkollna Qorti Suprema li tiddeċiedi f’każ ta’ sentenzi konflinġenti; għajnuna legali aktar effiċjenti għal min ma jiflaħx iħallas l-ispejjeż; u Segretarju Parlamentari biex jimplimenta r-rapport imħejji mill-Imħallef Giovanni Bonello.

Adrian Delia ħabbar ukoll proposti marbuta mal-Pulizija, fosthom li jingħataw il-ħlasijiet dovuti lilhom f’overtime u allowances oħra mingħajr dewmien; aktar taħriġ għall-Pulizija u tisħiħ tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali b’riżorsi aħjar u pagi xierqa.