Lokali

FILMAT: Omm ta’ tifel ta’ 3 snin tmut f’inċident tat-traffiku

Binha ma kienx fil-vettura

Mewta traġika għal mara ta’ 45 sena mill-Mosta u omm ta’ tifel ta’ tliet snin, li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fil-bypass li jagħti għall-Imġarr.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.15 ta’ waranofsinhar f’ħabta ‘head-on’ bejn żewġ karozzi li kienu ġejjin mid-direzzjonijiet opposti. Apparti l-mara li tilfet ħajjitha, u li kienet passiġġiera f’waħda mill-karozzi, l-isptar ittieħed ukoll is-sewwieq, raġel ta’ 41 sena minn San Pawl il-Baħar, u li kollox jindika li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Fil-karozza l-oħra, tat-tip Mazda Demio, kien hemm is-sewwieq biss, ta’ 26 sena minn Santa Luċija, u li jidher li ma ġarrabx ġrieħi serji.

Il-karozza tat-tip Mazda Demio kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn l-Imġarr meta għal xi raġuni ħabtet mal-karozza fejn kien hemm il-koppja. Bl-impatt, il-karozza tal-koppja daret u nqalbet fuq ġenb sa ma’ spiċċat tistrieħ ma’ ħajt ta’ għalqa.

Fil-karozza tal-koppja nstab pushchair, u għal xi ħin dan nissel biża’ li fil-karozza seta’ kien hemm xi tarbija. Iżda wara tfittxijiet li saru mill-Pulizija fl-għelieqi li hemm fil-viċinanzi, ġie stabbilit li t-tifel tal-vittma, u li għandu tliet snin, fil-ħin tal-inċident kien qed jinżamm minn waħda mill-qraba tal-vittma. U dan peress li l-koppja kienet qed tattendi għal attività soċjali f’Għajn Tuffieħa.

Ftit wara li seħħ l-inċident, fuq il-post marru numru ta’ Pulizija, ambulanzi, u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Filwaqt li s-sewwieqa taż-żewġ karozzi ttieħdu immedjatament l-isptar, il-mara mietet fuq il-post u għal xi ħin, offriet sfida għall-uffiċjali tas-sigurtà biex jirkupraw il-katavru tagħha.

Filfatt, kien wara li l-karozza nqalbet lura f’postha, li l-katavru tagħha ġie rkuprat u ttieħed minn fuq il-post permezz ta’ vann tal-Pulizija.

Dwar dan l-inċident qed issir inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Anthony Vella.