Chelsea kisbu rebħa importanti ta’ 2-1 barra minn darhom kontra Tottenham biex fl-istess waqt wettqu reazzjoni wara li tilfu l-ewwel logħba fil-kampjonat 3-2 kontra Burnley f’logħba li fiha lagħbu għal ħafna ħin b’raġel anqas. Barra minn hekk il-Blues kienu anke tilfu l-finali taċ-Charity Shield ġimgħa qabel kontra Arsenal.
L-avversarji Tottenham kienu qed jilagħbu l-ewwel logħba f’Wembley Stadium bħala l-grawnd tagħhom għal dan l-istaġun. Huma kienu rebħu l-ewwel konfront 2-0 kontra Newcastle imma lbieraħ ma komplewx minn fejn ħallew ġimgħa ilu hekk kif tilfu kontra tim li l-eroj tiegħu kien Alonso li skurja doppjetta.
Chelsea marru fil-vantaġġ fl-24 minuta minn free kick dirett ta’ Marcos ALONSO. Wara dan il-gowl l-iSpurs donnhom qamu xi ftit u ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima l-attakkant ta’ Tottenham Harry Kane kien sfortunat meta laqat il-lasta.
Kwarta qabel it-tmiem kien imiss lil Willian ta’ Chelsea li ra t-tentattiv tiegħu jolqot il-lasta bil-ballun ikun diġa’ għeleb lill-gowlkiper Hugo Lloris.
Sitt minuti mit-tmiem Tottenham ġabu d-draw meta l-attakkant ta’ Chelsea Michy Batshuayi tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess meta mar jikklirja free kick ta’ Eriksen.
Imma hekk kif kollox deher li t-timijiet kienu se jieħdu punt kull wieħed, ALONSO reġa’ skurja mill-viċin biex ta tliet punti prezzjużi liċ-champions.
Tkompli l-mixja pożittiva
Il-bidu mill-aqwa għal Huddersfield Town fil-Premiership Ingliż kompla hekk kif ilbieraħ dawn rebħu 1-0 kontra t-tim l-ieħor neo-promoss, dak ta’ Newcastle United.
Fl-istaġun li għadda kienu proprju Huddersfield Town u Newcastle li ġew promossi għall-ogħla diviżjoni Ingliża bit-tim ta’ Rafa Benitez jirbaħ il-kampjonat filwaqt li Huddersfield Town spiċċaw 13-il punt warajhom. Madankollu s’issa l-avventura fil-Premiership kienet aktar pożittiva għal Huddersfield milli għal Newcastle li s’issa tilfu tnejn minn daqstant partiti.
Fl-ewwel ġimgħa tal-Premiership ta’ min jiftakar li Huddersfield kienu rebħu 3-0 kontra Crystal Palace. Minn naħa tagħhom għal Newcastle din hi t-tieni telfa konsekuttiva għalihom wara li ġimgħa ilu tilfu 2-0 kontra Tottenham.
L-uniku gowl tal-logħba wasal ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta l-midfielder MOOY bidel il-ballun ma’ Elias Kachunga qabel ma fajjar xutt li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Elliot isalva.
Riżultati u Programm
Premiership
Huddersfield T v Newcastle 1-0
Tottenham v Chelsea 1-2
It-Tnejn
Man City v Everton