Lokali

Id-Direttur tal-ħabs idabbar rasu minħabba indħil insapportabbli

Paul Debattista, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien iservi bħala Direttur tal-Ħabs, jidher li qatta’ l-karti minn mal-Gvern wara li l-Ministru tal-Intern Michael Farrugia beda jindaħallu bl-addoċċ fix-xogħol u d-deċiżjonijiet tiegħu kif jitmexxa l-ħabs.

Żvelat dan il-gazzetta il-mument li rapportat dwar il-mod kif il-Ministru Michael Farrugia ma straħx fuq l-esperti – u f’dan il-każ fuq id-Direttur tal-ħabs Paul Debattista. Minn tagħrif li kisbet il-mument, Debattista ma aċċettax l-indħil ta’ rjus kbar fil-Ministeru tal-Intern li jinteressahom biss li jkunu partiġġjani u li jaqdu lin-nies tal-Ministru jew inkella lil dawk magħrufa għall-kulur politiku tagħhom.

Filfatt, bosta huma l-każi li seħħew f’temp ta’ ftit ġimgħat u li waslu sal-punt li Paul Debattista ma baqax jirrapporta għax-xogħol u fil-bidu kellu t-tama li Kastilja tintervjeni u twaqqaf milli jsiru l-“ħniżrijiet li filfatt saru”.

Il-mument irrapportat li Paul Debattista kemm-il darba insista li trid issir xi ħaġa bis-serjetà fir-rigward tal-ġlieda kontra d-droga, problema li llum impestat lill-ħabs. Iżda l-problema tad-droga mhijiex l-unika problema fil-ħabs. Dan hekk kif il-mument tirrapporta li fil-ġimgħat li għaddew ġew magħżula uffiċjali mingħajr esperjenza biex tkun akkomodata x-xewqa tal-Ministru Michael Farrugia. Anke f’każ ta’ dixxiplina mit-tmexxija tal-ħabs, jidher li twaqqgħat il-kelma tat-tmexxija tal-ħabs minħabba indħil politiku.

Il-mument tirrapporta indħil sfaċċat ieħor, din id-darba dwar priġunier li talab il-prison leave iżda t-tmexxija tal-ħabs ħasset li dan ma kienx jimmeritah. Madanakollu, dan il-priġunier irnexxielu jressaq it-talba tiegħu għand xi ħadd fil-Ministeru ta’ Michael Farrugia biex imbagħad ħarġet ordni biex dan il-priġunier jingħata il-prison leave li oriġinarjament kien ġie mċaħħad minnu.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-mument żvelat kif priġunier kien qed ikollu kuntatt ma’ terza persuna f’karozza Ministerjali fil-bitħa tal-ħabs, bil-gazzetta il-mument tirrapporta li wara dik l-istorja, it-Tmexxija tal-Ħabs bdiet f’kaċċa għal min qed jgħaddi l-informazzjoni flok ħadet passi biex dawn l-affarijiet ma jsirux.