Il-FIFA ħabbret il-finalisti tal-aqwa kowċ tas-sena u fost dawn hemm tliet kowċis Taljani. Il-lista hi komposta minn 12-il kowċ li matul l-istaġun li għadda mexxew kemm klabbs kif ukoll timijiet nazzjonali. Spanja u l-Arġentina huma rappreżentati b’żewġ kowċis kull wieħed.
It-tliet kowċis Taljani huma Massimiliano Allegri ta’ Juventus, Carlo Ancelotti ta’ Bayern Munich u Antonio Conte ta’ Chelsea.
Kemm Ancelotti kif ukoll Conte rebħu l-kampjonat fid-debutt mal-klabb il-ġdid tagħhom. Bayern Munich rebħu l-Bundesliga wara li għaddew f’idejn Ancelotti li ħa post Pep Guardiola filwaqt li Chelsea rebħu l-Premiership Ingliż wara li kien ħa post Guus Hiddink.
Bayern iddominaw bil-kbir f’pajjiżhom u temmew l-ewwel b’vantaġġ ta’ 15-il punt fuq l-eqreb rivali RB Leipzig.
Chelsea mhux biss rebħu l-kampjonat imma għamlu dan b’rekord ta’ rebħiet. Conte iffirma kuntratt mal-Blues wara li ħalla lit-tim nazzjonali Taljan li kien għadu kemm ħa sehem fl-Euro 2016.
Dan l-istaġun Conte mhux qed imexxi lil Chelsea biss fil-kampjonat imma anke fiċ-Champions League filwaqt li minn naħa tiegħu Ancelotti se jkun qed jipprova li din id-darba jikseb mhux biss suċċess fil-Ġermanja imma anke fl-Ewropa.
Il-kowċ Taljan l-ieħor Allegri wkoll rebaħ il-kampjonat domestiku ma’ Juventus fl-istaġun li għadda. Il-Bianconeri saru fil-fatt l-ewwel tim fl-istorja li rebaħ l-iScudetto għal sitt darbiet konsekuttivi u f’Mejju li għadda rebħu anke l-Coppa Italia taħt it-tmexxija tal-ekskowċ ta’ Milan u Cagliari.
Ta’ min jiftakar li Allegri għen anke lil Juventus jaslu sal-finali taċ-Champions League li tilfu kontra Real Madrid filwaqt li dan l-istaġun ma tantx beda fuq nota tajba għalih hekk kif ftit ġimgħat ilu Juventus tilfu l-finali tas-Super Cup Taljana kontra Lazio.
Kowċ ieħor li hu fil-lista finali u li fl-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat hu Leonardo Jardim ta’ Monaco. Dawn tal-aħħar waqqfu d-dominju ta’ PSG fi Franza imma ftit ġimgħat ilu tilfu l-finali tas-Super Cup kontra l-istess tim li dan l-aħħar akkwista lil Dani Alves u lil Neymar.
Kowċis li fl-istaġun li għadda naqqsu milli rebħu l-kampjonat imma xorta waħda ġew inklużi fil-lista huma l-ekskowċ ta’ Barcelona Luis Enrique (li issa minfloku hemm Ernesto Valverde) u l-kowċ ta’ Manchester City Pep Guardiola. Dan tal-aħħar ddiżappunta fl-ewwel staġun tiegħu mas-Citizens filwaqt li Luis Enrique rebaħ it-Tazza tar-Re mal-Katalani.
Il-manager tat-tim l-ieħor ta’ Manchester, Jose Mourinho ġie wkoll inkluż fil-lista wara li fl-istaġun li għadda għen lir-Red Devils jirbħu l-League Cup, l-Community Shield u l-Europa League. Grazzi għas-suċċess fl-Europa League, Mourinho, li issa jinsab fit-tieni staġun tiegħu ma’ Man Utd, se jkun qed imexxihom fiċ-Champions League ta’ din is-sena.
L-akbar favorit għar-rebħ tal-unur hu bla dubju l-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane li għen lill-Merengues jirbħu l-kampjonat u ċ-Champions League matul l-istaġun li għadda. Zidane u t-tim tiegħu komplew minn fejn ħallew f’Mejju u matul l-aħħar ġimgħat diġà rebħu żewġ unuri oħra, il-Uefa Super Cup (fil-finali għelbu lil Man Utd) u s-Super Cup Spanjola (fil-finali għelbu lil Barcelona).
Kowċis ta’ klabbs oħra li ġew nominati huma Diego Simeone ta’ Atlético Madrid u Mauricio Pochettino ta’ Tottenham.
Iż-żewġ kowċis nominati li jmexxu timijiet nazzjonali huma Joachim Low tal-Ġermanja u Tite tal-Brażil. F’Ġunju tal-2016 Tite kien maħtur kowċ tal-Brażil minflok Dunga u minn dakinhar ‘l hawn it-tim tiegħu diġa’ bbukkja post fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li se ssir sena oħra fir-Russja filwaqt li matul dan is-sajf Low għen lill-Ġermanja tirbaħ it-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
Is-sena li għaddiet kien l-ekskowċ ta’ Leicester Claudio Ranieri li rebaħ l-unur wara li għen lit-tim tiegħu, kontra kull mistenni, jirbaħ il-Premiership Ingliż.
L-aqwa kowċ se jkun magħżul mill-partitarji, mill-captains u mill-kowċis tat-timijiet nazzjonali. Il-votazzjoni bdiet nhar it-Tnejn li għadda u l-perjodu jintemm fis-7 ta’ Settembru. Ir-rebbieħ tal-unur se jkun żvelat nhar it-23 ta’ Ottubru.
Il-finalisti għall-unur huma:
Massimiliano Allegri (Juventus)
Carlo Ancelotti (B.Munich)
Antonio Conte (Chelsea)
Luis Enrique (Barcelona)
Pep Guardiola (Man City)
Leonardo Jardim (Monaco)
Joachim Low (Ġermanja)
Jose Mourinho (Man Utd)
Mauricio Pochettino (Tottenham)
Diego Simeone (A.Madrid)
Tite (Brażil)
Zinedine Zidane (R.Madrid).


