Elezzjoni Kap PN Lokali

“Il-media tal-Partit Nazzjonalista hija għal qalbna” – Alex Perici Calascione

Il-media tal-Partit Nazzjonalista hi l-qalb tal-Partit Nazzjonalista għaliex hi l-għodda li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jikkomunika man-nies. Għalhekk hemm bżonn investiment kontinwu mhux biss fl-apparat u fl-immodernizzar tal-media, iżda anke, b’mod partikolari, fir-riżorsi umani tal-media tal-Partit.

Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta fil-jiem li għaddew żar u ltaqa’ mal-ħaddiema tal-media tal-Partit – ġurnalisti, camerapersons, edituri, tekniċi, salespersons kif ukoll il-managament tal-kumpanija.

Alex Perici Calascione spjega kif il-viżjoni tiegħu għall-media tal-Partit hi li din tkompli tikber, li tinkludi diskussjonijiet politiċi kif ukoll b’aktar programmi kulturali u storiċi. Hawnhekk, Perici Calascione tkellem dwar l-idea tiegħu li l-kumpanija tal-media tal-Partit tagħmel sħubija ma’ stazzjonijiet barranin biex produzzjonijiet lokali jixxandru barra minn Malta, waqt li produzzjonijiet internazzjonali jixxandru fuq il-media tal-Partit.

Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom, Alex Perici Calascione spjega li filwaqt li l-isfidi ma jisparixxux mill-lum għall-għada, hu determinat li jmexxi ‘l quddiem il-media tal-Partit.