Elezzjoni Kap PN Lokali

“Kburin li aħna Nazzjonalisti” – Chris Said

“Minkejja żewġ disfatti elettorali wara xulxin, jiżbalja minn jaħseb li l-Partit Nazzjonalista spiċċa. Iva, l-PN għaddej minn żmien diffiċli u għandu bżonn jiġġedded. Iva, il-Partit naqas u żbalja u għandu jerġa’ jqum fuq saqajh għax flimkien nissaħħu u nirbħu.” Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.

Chris Said qal li aktar minn 30 sena ta’ esperjenza fil-politika jagħtuh viżjoni ċara biex il-Partit ikun partit inklussiv għan-nazzjon kollu u għal dawk li jridu li Malta timxi ‘l quddiem f’ġid u opportunitajiet għall-Maltin.

“Dan hu partit patrijott, fejn il-patrijottiżmu ma jagħlqux, anzi l-Partit Nazzjonalista wera li hu l-aktar forza politika li fetaħ beraħ lil Malta għall-Ewropa u għad-dinja,” żied jgħid.

Chris Said qal li m’għandniex nistħu ngħidu li l-valuri tagħna huma valuri nsara, għax dawn huma bbażati fuq is-soliderjetà, il-wens għal min għandu bżonn, u l-ġustizzja soċjali. Żied jgħid li t-tabelli jdejjquh għax ma jispjegawx tajjeb dak li jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista.

Fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li l-aktar ġab libertà f’kull qasam bid-drittijiet li ta lill-Maltin. Spjega li min jitħajjar jagħżel it-tabella ‘liberali’ għall-Partit Nazzjonalista, ma jridx jinsa li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex individwalista, mhux ‘jien kollox’, anzi jagħti importanza kbira lill-qasam soċjali, lill-għaqdiet volontarji, lis-solidarjetà u lill-familja.

Qal li hawn min jipprova jwaħħal it-tabella ta’ ‘konservattiv’ mal-Partit Nazzjonalista u dan għax jagħmel enfasi xierqa fuq il-familja. Imma l-Partit Nazzjonalista ġab avvanz soċjali, biddel il-kostituzzjoni favur nies ta’ kull orjentazzjoni sesswali, fetaħ l-edukazzjoni beraħ, għamel djalogu soċjali ġenwin, daħħal l-aqwa servizzi tas-saħħa u għall-anzjani, u daħħal lil Malta fl-Ewropa – kisba enormi li żgur mhix ‘konservattiva’.

Madanakollu Chris Said fakkar li hu ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jżomm il-kisbiet li saru għall-kopji tal-istess sess iżda jara li jerġgħu jiddaħħlu r-referenza għal ‘omm’ u ‘missier’ filwaqt li t-terminu ‘ġenitur’ jibqa’ għal min jixtieq deskrizzjoni aktar wiegħsa.

Said temm jgħid li jrid jerġa’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista rebbieħ, aġent tal-bidla kif dejjem kien b’mod li jsir partit li miegħu tista’ tasal. “Ejjew inkunu kburin li aħna Nazzjonalisti,” temm jgħid Chris Said.