Lokali

“L-attakk ta’ Barċellona huwa ġenoċidju kontra l-umanità” – l-Imam

Jappella biex l-Islam ma jkunx iġġudikat minħabba "l-imġienen kriminali tal-ISIS"

“L-attakk terroristiku f’Barċellona huwa att kriminali u sataniku, u huwa ġenoċidju kontra l-umanità.” Qal dan il-mexxej tal-komunità Islamika f’Malta, l-Imam Mohammad El Sadi, fi stqarrija li fiha ddeskriva l-attakk ta’ Barċellona bħala attakk “orribbli”.

“L-attakki faħxija tal-ISIS fl-Ewropa kontra nies innoċenti huma aggressjonijiet kontra l-Musulmani kollha li jgħixu fil-pajjiżi Ewropej, għax jheddu l-eżistenza paċifika tagħhom,” żied jgħid l-Imam, waqt li insista li kull theddida kontra s-sigurtà tal-Ewropa hija wkoll theddida kontra s-sigurtà tal-Musulmani fl-Ewropa.

Fl-istqarrija tiegħu, l-Imam Mohammad El Sadi appella biex il-popli Ewropej ma jiġġudikawx l-Islam u l-Musulmani minħabba l-prattiċi malinni tal-ftit “imġienen kriminali tal-ISIS”. Qal li għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, it-terroristi tal-ISIS ma jirrappreżentawx l-Islam. Anzi, madwar id-dinja, l-ISIS saħansitra tikkawża l-mewt ta’ eluf ta’ Musulmani.

L-Imam żied jispjega li t-terroristi tal-ISIS qed idawwru l-attenzjoni tagħhom fuq l-Ewropa fl-isfond li qed jiġu melgħuba fil-Lvant Nofsani, u dan bl-iskop li joħolqu atmosfera ta’ biża’, mibegħda u xewqa għal tpattija kontra Musulmani innoċneti.

L-Imam temm jgħid li jittama li l-midruba tal-attakk ta’ Barċellona jirkupraw mill-aktar fiss possibbli, waqt li esprima l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi li nqatlu. Hu qal li l-komunità Musulmana f’Malta tesprimi simpatija u solidarjetà mal-poplu kollu Spanjol.