Internazzjonali

L-Iraq: Jassedjaw il-fortizza tal-ISIS f’Tal Afar

 

Il-qawwiet tal-Gvern Iraqi bdew assalt fuq il-belt ta’ Tal Afar li hi waħda mill-aħħar fortizzi tal-ISIS fl-Iraq. Din il-belt spiċċat mira wara li l-Armata, f’Lulju, irnexxielha taħtaf lura l-belt ewlenija ta’ Mosul lill-istess terroristi.

Il-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi, tkellem fuq it-televiżjoni biex iħabbar din l-offensiva ġdida u qal li l-ġiħadisti tal-ISIS kellhom għażla sempliċi quddiemhom – f’dan is-sens ‘li jċedu jew imutu’.

Il-belt ta’ Tal Afar, fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni hi magħmulha minn Musulmani Xiti, kienet waqgħet lill-ISIS fl-2014. Din il-belt tinsab fi triq ewlenija bejn Mosul u l-fruntiera mas-Sirja, li darba serviet bħala rotta ewlenija għat-trasport ta’ provvisti lill-ISIS.

Sadanittant, il-koalizzjoni tal-qawwiet għal kontra l-ISIS tikkalkula li bejn 50,000 u 100,000 ċivili għadhom fil-belt ta’ Tal Afar u l-madwar.

Qabel l-assedju mill-art fuq Tal Afar, ajruplani tal-gwerra Iraqqin kienu damu l-jiem jibbumbardjaw il-pożizzjonijiet tal-ISIS fil-belt.

Il-belt ta’ Tal Afar hi ċirkondata minn truppi tal-Gvern u milizzji tax-Xiti lejn in-Nofsinar u mill-ġellieda Kurdi tal-grupp Peshmerga fid-direzzjoni tat-Tramuntana.

Filwaqt li l-milizzji Xiti Iraqqin ma kellhomx xi rwol kbir fil-ħtif lura ta’ Mosul lill-ISIS, huma, issa, qed ikunu ferm aktar attivi kontra t-terroristi fl-inħawi ta’ Tal Afar.