Il-mewta għall-għarrieda ta’ suldat u missier żagħżugħ ixxukkjat lil ħafna li fuq Facebook esprimew is-sogħba għal dak li ġara.
Matthew Spiteri ta’ 25 sena kien mhux biss suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, iżda missier ta’ tifel ċkejken.
Il-profile ta’ Matthew Spiteri fuq Facebook ġie nvażat b’messaġġi ta’ kondoljanzi minn ħbieb u qraba tiegħu, fosthom kumment mill-aktar imqanqal miktub minn oħtu stess.
“Ma rridx nemmen li qed jiġri dan kollu. Nixtieq li tkun ħolma kerha biss,” kitbet oħt Matthew. “Dik id-daħka ma nista’ nneħħiha qatt minn quddiem għajnejja. Sakemm nerġgħu nlitaqgħu,” żiedet tgħid.
Oħrajn, maħsuda bl-aħbar tal-mewt ta’ Matthew Spiteri, kitbu biex jistaqsu jekk din hijiex xi ċajta. “L-anqas irrid nemmen li ħajjetna hekk,” kiteb ħabib ta’ Matthew. Ħabib ieħor irrakkonta r-rabta li kellu miegħu. “Għalija kont qisek ħija u kull meta kelli bżonn, dejjem sibtek,” qalet din il-persuna.
Oħrajn ikkommemoraw il-karattru ferrieħi ta’ Matthew, li ġie deskritt minn dawk li jafuh bħala ġuvni li dejjem kien ikollu tbissima fuq fommu u dejjem lest biex jiċċajta.
Imma l-ikbar konsolazzjoni għal dawk kollha li jafuh hi li Matthew Spiteri se jibqa’ iħarishom. “Ħarisna minn hemm fuq, u tina s-saħħa li nimxu ‘l quddiem,” temmet tgħid persuna oħra.



