Tliet Taljani, żewġ Olandiżi u xi persuni oħra qegħdin jgħinu lill-Pulizija wara sejba sostanzjali ta’ kokaina li saret is-Sibt f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Żvelat dan il-gazzetta il-mument.
Il-mument qalet li fil-jiem li għaddew sar xogħol ta’ sorveljanza mill-Pulizija tad-Distrett bl-għajnuna ta’ membri mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga li wasslet biex sar rejd f’appartament fi Triq it-Tamar f’San Pawl il-Baħar, u l-ħidma rriżultat f’waħda pożittiva.
Filwaqt li bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa u waqt li l-Pulizija għamlet ukoll numru ta’ arresti, l-appartament baqa’ taħt l-osservazzjoni stretta tal-Pulizija biex jinqabdu aktar persuni involuti f’dan it-traffikar tad-droga.
Il-mument qalet li hija infurmata li l-Pulizija, fil-jiem li għaddew, waslitilha informazzjoni sensittiva dwar kif Taljani, Olandiżi u x’aktarx xi Maltin, kienu qegħdin jimportaw id-droga u jaħbuha f’dan l-appartament biex imbagħad ikunu jistgħu jaħdmuha u jittraffikawha fis-suq lokali.
Dwar din il-qabda, il-Pulizija mistennija tressaq numru ta’ persuni l-Qorti u takkużahom bl-importazzjoni u t-traffikar ta’ droga. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li kollox jindika li d-droga maqbuda hija ta’ kwalità għolja ħafna.
//= $special ?>