Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi f’inċident bil-mutur fil-Qala

Raġel ta’ 52 sena ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura, wara li sofra ġrieħi ta’ natura gravi bil-mutur.

Fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu, il-Pulizija ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Triq il-Qala, Qala Għawdex.

Il-Pulizija mid-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ li sar irriżulta li raġel ta’ 52 sena, li jirrisjedi l-Qala Għawdex, tilef il-kontrol tal-mutur Honda XR400 u inqeleb.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.