Internazzjonali

It-terrur f’Barċellona: Għexieren ta’ ċilindri tal-gass għall-attakki

Grupp ta’ terroristi magħmul minn 12 il-membru u li wettaq l-aħħar żewġ attakki fi Spanja kien irnexxielu jiġbor madwar 120 ċilindru tal-gass fost il-pjani biex jużahom waqt azzjonijiet bil-vetturi mirati għall-pubbliku.

Dan qalitu l-Pulizija Spanjola wara s-sejba, jiem ilu, ta’ ċilindi ġo dar, fil-belt ta’ Alcanar, li kienet splodiet matul il-lejl tal-Erbgħa.

Filwaqt li Spanja għadha paralizzata bix-xokk wara l-attakki tal-Ħamis f’Barċellona, il-pulizija għadha qed tfittex lis-sewwieq tal-vann li, dakinar, saq b’veloċità kbira fuq in-nies fid-distrett ta’ Las Ramblas li hu l-aktar zona (ta’ Barċellona) frekwentata mit-turisti. Fl-attakk mietu 13 fuq il-post waqt li persuna oħra mietet sigħat wara, waqt tieni attakk b’vettura fl-inħawi ta’ Cambrils. Fit-tieni attakk partikulari nqatlu wkoll ħames persuni suspettati bħala militanti Iżlamiċi taħt idejn il-pulizija.

Meta aġġorna lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi, il-Kap tal-Pulizija Katalana, Josep Lluis Trapero, qal li l-grupp tat-terroristi msemmi kien ilu jippjana l-attakki għal aktar minn sitt xhur. Hu sostna li l-pulizija jafu bl-identità tat-terrorista maħrub (ix-xufier tal-vann li saq fuq in-nies f’Las Ramblas) u li ma kenux lesti biex jiżvelaw ismu. Trapero, fl-istess ħin, ma eskludiex li r-raġel inkwistjoni seta’ qasam il-fruntiera lejn Franza, għalkemm ma daħlitlux informazzjoni speċifika dwar dan.

Sadanittant, xi sorsi qed jgħidu li x-xufier-terrorista huwa Marokkin ta’ 22 sena li jismu Younes Abouyaaqoub.

Josep Lluis Trapero sostna li l-awtoritajiet, issa, qed jaraw ‘biċ-ċar’ li r-residenza f’Alcanar serviet bħala bażi għat-terroristi biex jippreparaw l-isplussivi għal ‘attakk jew aktar’ fil-belt ta’ Barċellona. Hu, iżda, ma kienx f’pożizzjoni li jgħid x’wassal għar-radikalizzazzjoni tas-suspettati militanti.

Sar magħruf li tliet vetturi kienu nkrew bil-karta tal-kreditu ta’ Younes Abouyaaqoub u li vettura minnhom intużat għall-attakk f’Las Ramblas. Vettura oħra nstabet ( wara dan l-attakk) fl-inħawi ta’ Vic u t-tielet waħda nstabet f’Ripoll. Skont l-awtoritajiet, il-pjan tat-terroristi kien li ‘jimlew dawn il-vetturi bl-isplussivi’ biex jużawhom kontra miri speċifiċi, li jingħad setgħu jinkludu l-Bażilika tas-Sagrada Familia.

Filwaqt li l-grupp terroristiku ISIS assuma responsabbiltà għall-istraġi f’Las Ramblas mhux ċar jekk xi ħadd mill-aggressuri f’Barċellona kenux konnessi direttament mal-ISIS jew sempliċiment ħadux l-ispirazzjoni mill-messaġġi qattiela tal-moviment.