Id-difensur Valon Behrami ħalla lil Watford u ffirma kuntratt ta’ sentejn ma’ Udinese. Il-plejer ta’ 32 sena kien ilu sentejn jilgħab mal-klabb Ingliż u issa se jkun qed jirritorna fis-Serie A wara li fil-passat lagħab f’dan il-kampjonat ma’ Genoa, Verona, Lazio, Fiorentina u Napoli.
Ta’ min jinnota li Watford u Udinese huma żewġ klabbs tal-istess sid, tal-familja Pozzo u din mhux l-ewwel darba li saru trasferimenti bejn iż-żewġ klabbs.
Żewġ akkwisti għal Valencia
Valencia ħabbru li akkwistaw lid-difensuri Jeison Murillo u Gabriel Paulista mingħand Inter u Arsenal rispettivament. Murillo se jkun misluf għal sentejn lil Valencia u jekk dawn jagħżlu li jakkwistaw lil dan il-plejer iridu jħallsu s-somma ta’ 13-il miljun ewro fl-2019.
Paulista ingħaqad mat-tim b’mod permanenti hekk kif iffirma kuntratt ta’ ħames snin u l-klabb Spanjol ħallas is-somma ta’ 11-il miljun ewro għalih.
Murillo kien ingħaqad ma’ Inter lura fl-2015 imma lejn tmiem l-istaġun li għadda tilef postu mat-tim filwaqt li Gabriel qatt ma impressjona fis-sentejn li dam jilgħab mal-Gunners.
Jese ma’ Stoke
Stoke City akkwistaw lill-eksplejer ta’ Real Madrid u PSG Jese Rodriguez b’self mingħand il-klabb Franċiż. Il-plejer ta’ 24 sena kien ingħaqad ma’ Real meta kien għad kellu 14-il sena u kien parti mit-tim li rebaħ iċ-Champions League fl-2014 u fl-2016. Sena ilu ffirma ma’ PSG u skurja biss darbtejn u f’Jannar li għadda kien misluf lill-klabb Spanjol ta’ Las Palmas.
Issa hu se jkun qed jittama li jilgħab futbol b’aktar mod regolari ma’ Stoke. Jese hu s-sitt akkwist ta’ Stoke matul dan is-sajf.
Biraghi mal-Viola
Cristiano Biraghi ħalla lil Pescara u ffirma ma’ Fiorentina. Il-Viola ħallsu s-somma ta’ tliet miljun ewro u dan se jkun qed jilgħab magħhom b’self sa tmiem l-istaġun. Matul il-karriera tiegħu Biraghi lagħab ukoll ma’ Catania, Chievo u Granada.
Lukic iħalli lil Levante
Levante akkwistaw b’self lill-midfielder ta’ Torino Sasa Lukic. Lukic kien ingħaqad ma’ Torino sena ilu meta dakinhar ħalla lil Partizan Belgrade imma l-avventura tiegħu mat-tim Taljan ma kinitx waħda daqstant pożittiva.